It-tradiment tal-Labour Party

Qed jgħidulna li min iħaddem, jiġifieri l-Malta Employers Association (MEA) qed jaqbel mal-Partit Laburista. Tafu dwar xiex? Għax il-Partit Laburista ma jridx li jirrevedi l-paga minima (ħlief għal żieda dovuta għall-għoli tal-ħajja).

Issa jiena naħseb li ħadd ma hu ta’ subgħajh f’ħalqu. Hu ċar għal kulħadd li l-Partit Laburista immexxi minn Joseph Muscat aċċetta l-posizzjoni ta’ min iħaddem li ma jridux li l-paga minima tkun reveduta.

Iżda mhux hekk kien jgħid Joseph Muscat meta kien jinsisti li għandu jkun inkoraġġit l-kunċett ta’ living wage għax il-minimum wage m’hiex biżżejjed.  Issa għal Muscat u l-Labour Party, dak li jippretendi li hu progressiv, l-minimum wage tidher li hi biżżejjed.

F’Marzu li għadda, għal min jiftakar, il-Caritas Malta ippubblikat rapport intitolat: A Minimum Budget for a Decent Living. A Research Study by Caritas Malta focusing on three low-income household categories. Fost id-diversi rakkomandazzjonijiet tagħha f’dan ir-rapport il-Caritas kienet irrakkomandat dwar il-ħtieġa li l-minimum wage tiżdied bi 13.8% u ċjoe minn €158.11 għal €180 għal ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol.

L-aħħar punt: il-Labour qed jgħid li flok ma jirrevedi l-paga minima fi ħsiebu jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Jiġifieri l-Labour Party daħal f’alleanza man-negozju u l-industrija biex bl-iskuża li qed iraħħas il-kontijiet għan-nies tal-paga jissussidja l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-industrija u n-negozju.  Dan mhux biss hu populiżmu ta’ l-agħar tip talli hu r-riċetta preċiża biex ikompli jitkisser il-pajjiż. Għax biex iraħħas il-kontijiet mod wieħed għandu : jżid it-taxxi biex jagħmel tajjeb għall-ispejjes tal-Korporazzjoni Enemalta.  U dwar dan m’hu jgħid xejn (għalissa).

Mela issa għanda żewġ partiti konservattivi f’Malta : dak ta’ Lawrence Gonzi u dak ta’ Joseph Muscat li t-tnejn qed ifittxu li jaqdu mill-koxxa lill-big business. Il-Partit Laburista bil-posizzjoni li ħa dwar il-paga minima qed jittradixxi n-nies tax-xogħol u daħal f’alleanza mal-big business.

New Labour! La progressiv u wisq inqas moderat!