Interessanti l-iżviluppi ta’ l-aħħar sigħat dwar il-kandidati tal-PN għall-elezzjoni ġenerali.
L-aħħar waħda hi l-kandidatura ta’ David Casa li ser jikkontesta fuq d-distrett elettorali li minnu tela’ Franco Debono fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Meta wieħed iqies li Gonzi kontinwament jgħid li għandu l-obbligu li jibqa’ hemm sa’ l-aħħar, inkluż li qed jippjana li jippreżenta l-budget għal Novembru hu inevitabbli l-ħsieb li dawn huma kollha manuvri intenzjonati biex tqanqal ritaljazzjoni ta’ Franco Debono fil-Parlament.
Ħadd ma jaf eżattament x’ser jagħmel Franco meta jiltqa’ l-Parlament f’Ottubru. Kien hemm diversi dikjarazzjonijiet imma l-iktar li jispikkaw fosthom kienu tlieta.
L-ewwel li m’huwiex lest li jappoġġa Gvern li għandu lill-Austin Gatt bħala Ministru.
It-tieni li min qed jagħtih bis-sieq m’għandux jippretendi appoġġ da parti tiegħu.
It-tielet li fi ħsiebu jippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru tas-Saħħa Joe Cassar.
Kummenti f’dan is-sens hemm kemm trid fil-blog ta’ Franco.
Sadanittant l-Awtorita’ tax-Xandir sejħet laqgħa mal-Partiti Politiċi biex ikun diskuss programm ta’ Xandiriet politiċi għall-elezzjoni ġenerali.
Għad hemm xi ħadd li jaħseb li l-elezzjoni ġenerali m’hiex wara l-bieb? L-unika ħaġa mhux deċiża hi min ser jieħu t-tort talli tissejjaħ kmieni. Jekk jerfax il-piz Gonzi jew inkella jekk jippruvax ifarfar fuq Franco.