Fuq il-blog tiegħu Franco Debono biex iwieġeb dak li qalet Alternattiva Demokratika dwaru dalgħodu irriproduċa d-diskors li kien għamel fil-Parlament nhar is-6 ta’ Mejju 2012 fejn jitkellem dwar l-impatti tal-estensjoni tal-power station. Jgħid ukoll illi wara d-diskors tiegħu Austin Gatt ma baqax resposnabbli għall-Enemalta!
Ma nafx kif wasal għal din il-konklużjoni. Imma apparti dan. Il-punt tiegħi hu li meta l-mozzjoni numru 110 tressqet għall-vot Franco Debono ivvota kontra. X’jiswa li tgħid ħafna kliem sabiħ jekk imbagħad dak li tagħmel ma jaqbilx ma dak li tgħid?
Nhar is-6 ta’ Mejju 2010 l-Parlament ivvota fuq il-mozzjoni numru 110 imressqa mill-Opposizzjoni. L-mozzjoni kienet fost oħrajn :
- Turi nuqqas ta’ qbil dwar il-mod kif mexa l-Gvern fl-estensjoni tal-Power Station,
- Tesprimi nuqqas ta’ qbil għall-għażliet teknici li saru li f’dan l-istadju warrbu l-gass, ekoloġikament superjuri u ekonomikament orħos għall-konsumaturi,
- Tikkundanna lil Austin Gatt li ħalla l-pjani jaqgħu lura b’mod li l-power station eżistenti m’hiex tlaħħaq mad-domanda,
- Tikkundanna t-tibdil fil-leġislazzjoni ambjentali li sar, għax b’hekk biss il-BWSC setgħet tirbaħ il-kuntratt, l-iskart tossiku li ser ikun iġġenerat, it-tniġġiż iġġenerat mill-Heavy Fuel Oil
Nhar is-6 ta’ Mejju 2010 kienet dik is-seduta li fiha kien hemm taħwida fil-votazzjoni dwar kif fil-fatt ivvutaw Mario Galea u Justyne Caruana. Wara t-taħwida l-Ispeaker iddeċieda li l-Parlament jerġa’ jivvota ħalli jkunu iċċarati l-affarijiet. L-Opposizzjoni dehrilha li dan kien logħob bir-regoli tal-Parlament u ħin minnhom ħarġet il-barra. Meta l-Ispeaker sejjaħ il-vot mill-ġdid l-Opposizzjoni bi protesta ma ivvutatx.
Il-minuti tal-Parlament fil-fatt jgħidu hekk :
“ Il-Membri qablu li din il-votazzjoni tittieħed dak il-ħin stess.
Il-Kamra ivvotat hekk:
VOTAZZJONI NRU. 88 ĦIN: 1.21 am
ĦADD FAVUR
KONTRA : 35
L-Onor.
Agius David | Galea Mario |
Agius Francis | Gatt Austin |
Arrigo Robert | Gonzi Lawrence |
Azzopardi Frederick | Gonzi Michael |
Azzopardi Jason | Gouder Karl |
Bonnici Charlo’ | Micallef Peter |
Borg Tonio | Mifsud Philip |
Cassar Joseph | Mifsud Bonnici Carmelo |
Cristina Dolores | Mugliett Jesmond |
de Marco Mario | Puli Clyde |
Debono Franco | Pullicino George |
Debono Giovanna | Pullicino Orlando Jeffrey |
Deguara Louis | Said Chris |
Falzon Joseph | Spiteri Stephen |
Farrugia Jean Pierre | Vassallo Edwin |
Fenech Tonio | Zammit Ninu |
Fenech Adami Beppe | Zammit Dimech Francis |
Galea Censu |
Il-mozzjoni m’għaddietx.”
Hu veru li dak li qed jgħid Franco Debono issa jaqbel ma dak li qal nhar is-6 ta’ Mejju 2010. Imma jibqa’ l-misteru li dakinnhar ivvota kontra. Li jfisser li qal mod u aġixxa mod ieħor.
Naħseb li ħaqqna spjegazzjoni!
Għax mhux biżżejjed li jingħad kliem li jdoqq għall-widna. Fl-aħħar il-vot irid jirrifletti dak li jkun intqal.