Dom : abjad jew iswed iżda bla griż

Il-funeral statali ta’ Dom Mintoff kif kien mistenni ħareġ fil-pubbliku l-appoġġ u l-approvazzjoni li Dom għadu kapaċi jqanqal, minkejja li hemm min ipprova jpinġih bħala traditur.  Miet imma għex b’viżjoni ċara. Viżjoni li kienet ċara sa mill-ewwel ġranet tal-ħidma politika tiegħu.

Ta’ 23 sena fid-Daily Malta Chronicle ippubblika l-mission statement tiegħu : “Malta għandha bżonn ta’ membri ġodda b’ideat godda li jkunu jistgħu jgħaqqdu l-elementi progressivi kollha u tbiddel is-sistema soċjali medjevali f’sistema li tkun l-għira tal-bqija tad-dinja.” Fl-1939 il-messaġġ ta’ Dom kien ċar għal kulħadd, ħlief għal min ma riedx jisma’. L-impenn tiegħu fil-ħajja pubblika Dom kien jarah bħala l-għodda biex ineħħi l-għanqbut!  Kien mgħaġġel, probabilment għax kien konxju li l-politiku hu għasfur tal-passa. Allura fittex li jagħsar kull opportunita’ li ġiet quddiemu. Ma kellux paċenzja ma min kien kajman.  Min kien jimxi bil-mod iżżejjed kien jarah ta’ xkiel li seta jtellfu l-ħin u per konsegwenza l-opportunita li jwettaq il-viżjoni tiegħu.

Il-viżjoni tiegħu wettaqha. Imma weġġa’ ħafna nies. Weġgħat li faċilment setgħu ġew evitati. Kif għidt diġa f’kitba oħra tiegħi hi sfortuna kbira li dawk ta’ madwaru mhux dejjem kienu kapaċi jagħtuh parir tajjeb. Pariri tajbin kienu bla dubju jnaqqsu l-possibilta’ ta’ ħsara u jagħmlu l-bniedem iktar aċċettabbli – jew inqas inaċċettabbli – milli fil-fatt hu.

Hemm ukoll il-problema kkawżata mid-debbolizzi tiegħu illi kif ilu jingħad fil-widnejn seta kien hemm min uzhom biex jirkattah. Fil-fatt fi blog oħra, dik ta’ Daphne Caruana Galizia, iktar kmieni din il-ġimgħa ġiet ippubblikata storja dwar dan il-punt. Din l-istorja ġiet imneħħja ftit wara għax kien fiha żball. Imma mhux billi tneħħiet minn fuq il-blog, l-istorja xorta għadha teżisti x’imkien fuq l-internet u tista’ tinqara billi wieħed jagħmel użu minn din il-link: għafas hawn. Għax it-teknoloġija, tajjeb jew ħażin, illum tikxef kollox. (Nota: sadanittant ġiet ippubblikata edizzjoni ġdida tal-post li kienet irtirata li tista’ tinqara hawn).

Din hi storja dwar rikatt u sfortunatament hija ibbażata fuq inċidenti li l-gazzetti naqsu serjament illi jinvestigaw u jinfurmaw lill-pubbliku dwarhom. Veru li meta ġraw ma kien hawn  l-ebda tradizzjoni ta’ ġurnaliżmu investigattiv fil-pajjiż. Ġurnalisti kapaċi kien hawn, imma l-klima politika ma kienitx tippermettilhom li jaħdmu. Imma in-nuqqas xorta jibqa’ hemm u kellu konsegwenzi kbar. Kif jixhed l-inċident tar-ritratti li ġew ippreżentati fil-Parlament minn Lorry Sant. Ir-ritratti jixħtu dawl fuq dak li ġara u inżammu mistura. Biex seta’ jseħħ rikatt ħalli tinħeba l-korruzzjoni, li xorta inkixfet ftit wara bir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Korruzzjoni fuq Lorry Sant.

Dawn u ħafna affarijiet oħra għad iridu jinkitbu volumi sħaħ dwarhom. Kif qal l-Arċisqof Pawlu Cremona dalgħodu Dom bena l-ħidma politika tiegħu fuq żewġ pilastri importanti: li jgħin lill-fqir u li jsaħħah l-identitia’ nazzjonali. Hi sfortuna li kellu jirrombla minn fuq ħafna. Li għalaq għajnjeh għal ħafna ħmieġ w irregolaritajiet amministrattivi. Li kien imdawwar minn nies vjolenti li kellhom is-setgħa li jagħmlu li jridu mingħajr ma jiġrilhom xejn, għax il-Pulizija kienu dejjem jipproteġu lilhom.

Għexna fi żminijiet koroh. Żmien fejn l-abbuż kien igglorifikat. Veru li Dom għamel il-ġid imma dan il-ġid m’huwiex gomma li tħassar il-ħsara li saret. Fl-aħħar l-istorja għad tagħti l-ġudizzju tagħha. Nittama li l-abjad jibqa’ abjad imma li l-iswed jibqa’ iswed ukoll. Għax Dom ma kellux griz!