Ir-riżenja ta’ George Pullicino

Naf li qed noħlom meta ngħid li George Pullicino għandu jirreżenja. Imma naf ukoll li l-politika hi t-twettiq tal-ħolm.

Pullicino għandu jirreżenja għax arroganti u inkompetenti. Dwar l-arroganza tiegħu inkiteb ħafna matul il-perjodu li kien responsabbli għall-MEPA. L-agħar perjodu għal ħafna snin għall-ambjent f’pajjiżna.

Nhar is-7 t’Awissu 2012 il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat rapport analitiku dwar kif qed titħaddem fis-27 pajjiż membru l-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart. Dan ir-rapport hu intitolat Screening of Waste Management Performance of EU Member States.

F’dan ir-rapport Malta ġiet ikklassifikata fost dawk il-pajjiżi li għandhom deficit fi prattikament l-oqsma kollha tal-implimentazzjoni tal-politika tal-immaniġjar tal-iskart. Ir-rapport hu iktar iebes minn hekk, juża l-kliem implementation gap. Jiġifieri ghad baqa’ ħafna ħafna xi jsir biex il-paroli u l-fatti ma jibqgħux jikkuntrastaw!

Il-Greċja u l-Bulgarija biss ġew ikklassifikati agħar minn pajjiżna. Il-Greċja qegħda f’tarf ta’ kollass ekonomiku u l-Bulgarija mifnija bil-korruzzjoni! Il-Litwanja kklassifikati daqsna!

Dak ċertifikat!

Għal dawn l-aħħar tmien snin ir-responsabbilta’ politika għall-politika dwar l-iskart kienet ta’ George Pullicino.

Kienet responsabbilta li għaddhielu Lawrence Gonzi fl-ewwel Kabinett tiegħu. Responsabbilta’ li ħadha mingħand Ninu Zammit u għaddiha lil Pullicino f’Marzu 2004.

F’dawn it-tmien snin Pullicino iktar kien moħħu fil-konfront politiku bħal dak li infexx fih f’Marsaskala dwar l-Impjant ta’ Sant Antnin milli li jiżviluppa politika dwar l-iskart li taħdem għax hi aċċettata. Bl-arroganza tipika tiegħu rnexxielu jkisser il-possibilita ta’ kunsens mal-komunitajiet u tefa lura ħafna l-iżvilupp ta’ sens komunitarju fil-politika tal-immaniġjar tal-iskart. Ir-riperkussjonijiet għadhom qed jinħassu anke’  illum.

Hu veru li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea janalizza l-qagħda kif kienet sentejn ilu u dan għax jaħdem fuq statistika u rapporti li ilhom ftit ippubblikati. Imma dan ma jgħoddx biss għal pajjiżna. Jgħodd ukoll għal pajjiżi bħall-Awstrija, l-Olanda, id-Danimarka u l-Ġermanja li kienu fuq quddiem nett fil-klassifika u komplew jissaħħew!

Anke’ jekk imxejna ftit il-quddiem, ftit iktar milli jindika r-rapport, xorta għadna lura ħafna. Għal dan jaħti biss George Pullicino.

Ir-rapport juri falliment fil-parti l-kbira mill-kriterji addottati biex jitkejjel il-performance tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Dan hu ċertifikat ta’ falliment li għalih għandu jassumi responsabbilta politika l-Ministru George Pullicino. Jiġifieri għandu jkun raġel u jgħid “fallejt” u jirreżenja. Jagħmel il-wisa’ għal min jista’ jagħti kontribut pożittiv għall-implimentazzjoni tal-politika dwar l-iskart.

Advertisements