Il-professuri tad-demokrazija

Jekk taqra l-kummenti online tat-Timesof Malta.com kif ukoll xi blogs tieħu l-impressjoni li għandna ħafna professuri tad-demokrazija jiġru mas-saqajn.

Wieħed minn dawn hu Alex Sciberras Trigona li fl-artiklu tiegħu tal-lum intitolat Undue compensation argumenta illi meta JPO irreżenja mill-PN il-leġittimita demokratika tal-Gvern spiċċat.

Il-leġittimita tal-Gvern toħroġ mir-riżultat elettorali tal-2008 u minn imkien iktar. Nistgħu nikkritikaw is-sistema elettorali bħala li hi inġusta, u fil-fatt aħna f’AD hekk nagħmlu għax is-sistema tillimita l-aritmetika tal-proporzjonalita għall-PN u l-PL u tiġi taqa’ u tqum mill-bqija! B’daqshekk ma jfissirx li l-Parlament m’huwiex leġittimu. Jfisser li seta’ kien iktar rappreżentattiv.

Li l-Gvern qiegħed f’posizzjoni diffiċli huwa veru, bħalma hu veru li l-appoġġ Parlamentari li jgawdi l-Gvern hu wieħed dubjuż għax m’huwiex dak l-appoġġ li nassoċjaw ma Gvern stabbli. Hi sitwazzjoni ftit tollerabbli għax qegħdin fi tmiem ta’ leġislatura. Li kienet l-istess sitwazzjoni fil-bidu ta’ leġislatura kienet tkun materja li tirrikjedi deċiżjonijiet politiċi immedjati.

Ma naħsibx li AST għamel wisq ġid lill-Partit Laburista bl-artiklu tal-lum. Meta tagħsar l-artiklu ma toħroġ xejn. Imma min għandu għajnejn u moħħ jiftakar li dawk li fil-passat ma tantx taw isem tajjeb lil-Labour għadhom mas-saqajn. Il-kredenzjali demokratiċi ma’ jirriżultawx biss minn dak li ngħidu imma iktar minn dak li nagħmlu! Is-sehem ta’ Alex Sceberras Trigona fil-leġislatura tal-1981-87 hi l-ikbar prova tal-kredenzjali demokratiċi tiegħu. Mhux biss li ipparteċipa fi Gvern li l-maġġoranza assoluta tal-elettorat ma riedux. Imma ukoll dwar il-mod kif mexxa l-politika barranija tal-pajjiż. L-ikbar eżempju hu l-ftehim sigriet mal-Korea ta’ Fuq.

Għall-Partit Laburista l-kontribut ta’ AST u l-presenza mill-ġdid tiegħu fit-tmexxija tal-Partit huma sinjali posittivi li dawk li tgerrxu fil-passat ġew lura u li l-Partit hu back in business. L-artiklu tal-lum jikkonfermaw li l-Partit mhux biss hu back in business, imma li its business as usual!