Mhux soltu li l-PN jidher imbenġel. Hekk deher iżda wara li, kif kien mistenni, l-Kumitat Eżekuttiv tiegħu ma approvax it-talba ta’ JPO biex ikeċċi lill-RCC mill-Partit Nazzjonalista.
Mingħajr sforz partikolari t-talba ta’ JPO kienet megħluba imma l-PN ma rebaħ xejn. Fuq il-karta Gonzi rebaħ. Imma fir-realta’ kompla nieżel l-isfel b’ritmu iktar mgħaġġel.
Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jidher ċar għal kulħadd li l-qagħda attwali tal-PN għandha l-egħruq tagħha fil-fatt li Lawrence Gonzi m’huwiex kapaċi jmexxi.
Gonzi jarmi n-nies bħal-lumi magħsur. Dan hu l-għerq tal-clash bejn Gonzi u Jesmond Mugliette. Kien bagħtlu SMS biex jgħidlu li m’hemmx iżjed post għalih fil-Kabinett. Mhux mod kif tittratta lin-nies. Anke’ jekk hu veru li Jesmond Mugliette kien ftit għajjien bħala Ministru kien hemm mod ħafna iżjed ċivili kif jinfurmah li ma kienx ser jerġa’ jagħżlu bħala Ministru.
Il-każ tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann forsi mhux kulħadd jiftakru. Imma dakinnhar kien diġa beda jberraq. Diversi fil-PN ma kienux kuntenti bil-proġett ta’ RCC biex iħaffer barriera quddiem San Ġwann ġol-Belt u mbagħad jikkonverti din il-barriera bħala parti mill-Mużew tal-kon-katidral.
Dakinnhar JPO kellu opportunita’. Kienet tressqet mozzjoni minn Joseph Muscat Kap tal-Opposizzjoni u Gonzi xamm li Muscat kien ser ikollu l-appoġġ ta’ JPO. Dakinnhar Gonzi irtira l-proġett ftit qabel ma bdiet is-seduta tal-Parlament li kien ċar illi kienet ser tordnalu biex ma jkomplix.
Dakinnhar Gonzi evita telfa imma tbenġel ftit mhux ħażin. Sfortunatament ma tgħallem xejn.
Dan kollu seħħ fi Frar 2009, iktar minn tlett snin ilu: daqshekk ilu jberraq.
Qattajt 30 sena minn ħajti naħdem fil-PN, viċin dawk li dejjem appoġgawh mingħajr pretensjoni ta’ xejn. Lil dawk li ħadmu u għamlu s-sagrifiċċji personali kbar għal dak li jemmnu, Gonzi u dawk ta’ madwaru jagħtuhom bis-sieq. Il-partit nazzjonalista ntagħġen bis-sagrifiċċji ta’ bosta li llum mhumiex ikkalkulati. Dan kollu Gonzi ma jħossux għax meta n-nazzjonalist kien qed jaqla’ fuq wiċċu hu kien komdu. Tfaċċa fix-xena politika meta tfaċċat l-opportunita li seta jaħtaf bħal frotta misjura li taqa’ dritt f’idejk minn fuq is-siġra.
Naħseb li l-PN jixraqlu aħjar.