Is-Saħta tal-Mistra

Qatt daqs f’dawn l-aħħar jiem ma kien ċar li l-PN qed iġorr fuqu s-saħta tal-Mistra.

Il-proposta ta’ JPO biex jitkeċċa RCC mill-PN ma kienitx sostnuta minn provi li jiġġustifikaw tali azzjoni. L-istess tip ta’ provi li kienu meħtieġa fil-Parlament meta minkejja li ma kienux hemm il-mozzjoni ta’ ċensura dwar RCC xorta kienet approvat.

Jidher ċar li kull min miss mal-kaz tal-Mistra ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali 2008 ma tistax tiġih waħda tajba.

“X’għamilt ħażin?” qal JPO lil Gordon Pisani f’diskursata bejniethom fil-presenza ta’ avukat meta sar magħruf li kien hemm kuntratt dwar l-art tal-Mistra u d-disco proġettat?

Kien ikun aħjar kieku Pisani wieġbu : “x’għamilt tajjeb?”

Sa dakinhar li faqqa’ l-każ tal-Mistra l-kredenzjali ambjentali ta’ JPO kienu tajba ħafna. Il-kampanja biex iwaqqaf is-simenterija taċ-Ċaqnu kif ukoll il-kampanja kontra l-miżbla (landfill) ħdejn l-Imnajdra kienu fost l-aħjar mumenti tiegħu. Tant li għal xi żmien kien deskritt bħal wieħed mill-politiċi bl-aħjar kredenzjali ambjentali f’Malta. Kien ingħata t-titlu ta’ The green politician of the year.

Issa minn persuna li ħadmet daqstant favur l-ambjent bilfors tistenna li qabel ma jieħu pass iqis sewwa. Jara l-impatti ta’ dak li jkun qiegħed jippjana b’mod iktar metikoluż minn ħaddieħor. Sfortunatament il-kuntratt li JPO kellu dwar il-Mistra u xtaq jaħbi (“mhux aħjar ma tkunx taf” qal lill-Pisani) juri li l-introjtu pekjunjarju kien l-iktar ħaġa importanti għal JPO.  Il-ħarsien dovut lill-Mistra skond dak li tipprovdi d-Direttiva dwar il-Habitats kien xi ħaġa irrelevanti.

F’dan kollu kien mgħejjun minn kultura ta’ irresponsabbilta fl-istrutturi tal-MEPA li qieset li ma kien hemm xejn ħażin filli żviluppatur jew persuna interessata fi żvilupp tiltaqa’ ma’ membri tal-Bord fil-magħluq, minn wara dahar kulħadd.

X’hemm ħażin?

Il-PN għażel li jipprova jgħatti dan kollu. Issa il-PN jeħtieġ li jħallas il-kontijiet talli ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li JPO żbalja. Irid iħallas il-kontijiet talli ipprova jpinġi lil JPO bħala l-vittma, meta l-vera vittma kienet il-komunita’, li suppost kellha MEPA biex tiddefendiha u minnflok kienet kompliċi ma’ JPO.

Kull min iċċappas mal-każ irid jerfa’ l-piż u jġorr fuq spallejħ is-saħta tal-Mistra. Anke RCC flimkien ma’ Gonzi u JPO għandu responsabbilta morali għal dak li ġara minħabba l-pariri li ta. Anke’ jekk kienu biss ta’ damage control.

Il-Partit Laburista li permezz ta’ Alfred Sant kellu l-karti f’idejh qabel l-elezzjoni tal-2008 tilef l-inizzjattiva minn idejh.  Sant iddeskriva lil JPO bħala morally and  politically corrupt. Imma s-suċċessur tiegħu m’għandux skrupli li jindiehes ma JPO u jipprova jinqeda bih. Huwa u jimxi b’dan il-mod Muscat qed juri li anke’ hu m’huwiex interessat f’servizz iżda f’logħba ċess. L-iskop aħħari  li jqarreb il-jum li jkun fil-gvern il-Labour, għal Muscat jiġġustifika kollox. Jiġġustifika kull mezz li jintuża. L-aqwa li jdgħajjef lill-għadu poltiku tiegħu.

Meta Muscat jimxi b’dan il-mod ikun qed juri għal darba oħra li m’hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL. Il-politika l-ġdida tagħhom hi nieqsa mill-valuri. Hi nieqsa mill-impenn favur dak li hu sewwa.  Huma interessati fil-maniġġi u fil-mossi: mhux daqstant dawk li jġibu lilhom il-quddiem, daqskemm dawk li jpoġġu lin-naħa l-oħra f’dawl ħażin.

Is-saħta tal-Mistra JPO raxxa ukoll fuq il-Labour.

Il-mozzjoni dwar RCC kien l-ewwel pass li deher.  Biha l-Labour ingħata l-opportunita’ li jidher kif fil-fatt hu: partit bla sinsla.

Il-PN ma jixraqlux ikun iżjed fil-Gvern. Pero’ il-Labour ma joffrix soluzzjoni. Għax minn ġot-taġen nispiċċaw fin-nar!