
Il-bieraħ il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN iddeċieda li tlieta mill-Membri Parlamentari tiegħu: JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette ma jkunux kandidati tiegħu u f’ismu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fuq tnejn minnhom (JPO u Jesmond) ġja kien hemm dikjarazzjoni mill-kandidati infushom li ma riedux jerġgħu jkunu kandidati. It-tielet wieħed, Franco, qal lill-media u riedna nemmnu li hekk kien, li Lawrence Gonzi riedu jerġa’ jkun kandidat. Ħalliha li Gonzi ċaħad dan.
Din tal-kandidaturi m’hi xejn. Kulħadd kien jistenniha għax kienet ovvja. Bħalma kienet ovvja li Austin Gatt kien ser ikun wieħed mill-iżjed li ser jopponi l-kandidatura ta’ Franco, kif l-istess Franco informa lill-media! X’tistenna? Wara l-kritika ħarxa lilu u lill-assistent tiegħu Manwel Delia (avolja kienet ġustifikata) fuq il-froġa tal-Arriva dan kien mistenni. Forsi Franco jirrealizza issa li l-astensjoni fil-vot ta’ sfiduċja dwar Austin Gatt kien żball da parti tiegħu. Għax il-konsegwenza loġika tal-argumenti tiegħu kellha tkun li Austin Gatt kellu jwarrab minn Ministru. Imma għal xi raġuni li s’issa għadni ma fhimtx Franco iddeċieda mod ieħor!
Fl-isfond ta’ dan kollu Lawrence Gonzi irid li jtemm il-leġislatura sħiħa. Jiġifieri li l-Gvern immexxi minnu jibqa’ jiffunzjona sas-sena d-dieħla. Il-Parlament jista’ jibqa’ jiltaqa’ sad-9 ta’ Mejju 2013 u jekk jagħmel hekk l-iktar tard li tissejjah elezzjoni jista’ jkun is-Sibt ta’ qabel id-9 t’Awissu 2013. Dak il-massimu. Probabilment li Gonzi għandu f’moħħu li jġebbed sa Marzu 2013.
Imma l-mistoqsija hi : ser iwassal s’hemm?
L-aġenda parlamentari li hemm imħejjija għal wara l-vaganzi tas-sajf kif ukoll il-proġetti li jimmaturaw lejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tad-dieħla jindikaw li Gonzi u l-PN ser jagħmlu sforz biex iġebbdu kif jistgħu. Imma dan ma jiddependix minnhom biss.
L-ewwel punt li jista’ jeffettwa hu x’ser jiġri mill-fattur RCC. Diġa jidher li JPO ser ikollu d-diffikultajiet. Il-Kummissarju tal-Pulizija, ġustament, qal li m’għandux ikollu x’jaqsam f’materja purament politika. Gordon Pisani hu ostili għal JPO u m’hu ser jgħid jew jagħmel xejn li jista’ jkun ta’ l-iċken ħsara għal Gonzi. Karmenu Vella diġa kixef idejh, u dak li qal jiddependi fuq il-kelma tiegħu kontra l-kelma ta’ RCC. Jibqa’ biss ix-xhieda ta’ Joe Mizzi u John Dalli!
Jiena m’hux qed nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’xi kundanna għal RCC meta jidher ċar li l-argument prinċipali ser ikun dwar il-kuntatti bejn RCC u uffiċjali tal-Gvern ta’ Alfred Sant dwar l-iskorta li kellu RCC minħabba l-attentat kważi fatali li kien seħħ fuq ħajtu fl-Imdina. Dan ta’ l-inqas joħrog minn dak li qal Joe Mizzi tal-Labour u f’dan il-kuntest hi relevanti x-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija. Il-kuntatti li qed jurtaw lil JPO probabilment żviluppaw minħabba li l-Gvern ta’ Sant irtira l-iskorta u RCC ħass (ġustament) li din kienet meħtieġa.
Fid-dawl ta’ dan jiena nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’eloġju għal RCC u kundanna oħra għal JPO. Dan ikun ifisser li tiħrax il-kampanja pubblika ta’ JPO kontra l-PN u magħquda mar-reazzjonijiet ta’ Franco Debono ifisser li l-ewwel seduti tal-Parlament f’Ottubru jistgħu jkunu determinanti.
Fid-dawl ta’ dan Gonzi jista’ jikkunsidra li jxolji immedjatament biex jevita konfront ieħor. Bosta qed jgħidulu biex jagħmel hekk, imma jidher daqstant ieħor ċar li ser jibqa’ jirresisti sakemm ma jkollux triq oħra. Sakemm ikun inevitabbli li jwarrab.
Sakemm jibqa’ imqar l-iċken tama li jista’ jibqa’ għaddej fil-Parlament naħseb li ser jibqa’ mkaħħal mas-siġġu f’Kastilja.