JPO vc RCC : it-Tieni Att

Bħalissa għaddejja l-ġlieda fil-PN fejn JPO qed jitlob li RCC jitkeċċa mill-PN għall-manuvri u maniġġi tiegħu li suppost għamel meta l-Labour kien fil-Gvern bejn l-1996 u l-1998.

Minn rapport fil-gazzetti jidher li x-xhieda ta’ JPO huma persuni mlaħħqin fil-Partit Laburista. Ix-xhieda li kienet ser titressaq hi fil-forma ta’ affidavit. Jiġifieri xhieda miktuba u maħlufa.

Filwaqt li ħadd m’għandu jnaqqas mill-validita’ u l-importanza tax-xhieda mogħtija b’affidavit jibqa’ dejjem id-dritt li x-xhieda jkunu eżaminati viva-voce. Ta’ l-inqas billi jkunu kontro-eżaminati.

Jidher li l-battalja ser tiġi miġġielda bi proċeduri iżjed milli fuq is-sustanza. Għax kif ġustament qed jintqal hu ftit diffiċli li tippretendi illi persuni imlaħħqin fil-Partit Laburista jitilgħu jixhdu quddiem il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN!

Min huma x-xhieda u x’inhi is-sustanza ta’ dak li ser jitkellmu fuqu s’issa waqt li qiegħed nikteb għadu mhux magħruf. Jibqa’ imma l-fatt li jekk dak allegat għandu jkun eżaminat sewwa huwa fl-interess tal-PN li ma joħloqx barrieri proċedurali. JPO naħseb li jifhem li x-xhieda jekk iridu jkunu kredibbli ma jistawx jevitaw li ta’ l-inqas ikunu kontro-eżaminati. Jiġifieri l-persuna akkużata trid tkun f’possibilita’ li tgħarbel dak li qalu fl-affidavit. Dan jista’ jsir biss jekk ikunu lesti li jippreżentaw ruħhom għal dan l-iskop. L-affidavit biss, waħdu, għandu valur limitat.

Nistennew u naraw kif ser jiżviluppaw l-affarijiet.

Anke’ Pawlu Boffa ………..

Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.

Jekk trid tara l-intervista kollha :

aghfas hawn ghall-ewwel parti

aghfas hawn ghat-tieni parti

Mistoqsija : Partit li jġib perċentaġġ u numru ta’ voti tant żgħir huwa worth l-isforz li tagħmlu?

Tweġiba : Din l-istess mistoqsija nimmaġina li kienet issir lill-Partit Laburista fis-snin 20 meta t-Tabib Pawlu Boffa u l-Partit Laburista kienu sandwich bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Kostituzzjonali ta’ Gerald Strickland.

L-ideal tagħna jiġġustifika kull sforz għax nafu li l-ewwel nett l-appoġġ li ngawdu hu ikbar minn dak rifless fil-voti li niksbu. Dan deher ċar waqt l-aħħar kampanja elettorali fejn in-nuqqas ta’ riżorsi għamilha diffiċli għalina biex inwieġbu fuq il-media b’mod partikolari meta ffaċċjati b’kampanja negattiva kif għamel il-PN kontra tagħna.

L-appoġġ potenzjali għal AD deher waqt l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2004  meta l-kandidat ta’ AD kiseb kważi 23,000 vot fl-ewwel għadd.

Hu inevitabbli li f’xi stadju l-monolit bipartitiku jrid jikkrolla.  Kemm il-PN kif ukoll il-PL  huma koalizzjonijiet opportunistiċi li jġibu flimkien persuni b’ideat tant differenti li jagħmilha prattikament diffiċli li jikkoeżistu politikament. Dan qiegħed jiġri presentement fil-PN. Fil-futur għad irid iseħħ fuq skala ikbar anke fil-PL.