Silta mill-intervista li Andrew Azzopardi ghamel lil Carmel Cacopardo.
Jekk trid tara l-intervista kollha :
aghfas hawn ghall-ewwel parti
aghfas hawn ghat-tieni parti.
Mistoqsija : Dak li ġara fil-Parlament taħseb seħħ ghax kien hemm maġġoranza ta’ siġġu wieħed? Jekk iva, ma taħsibx illi dan kien ifisser li hija kważi impossibbli biex koalizzjoni tirnexxi?
Tweġiba : Il-mistoqsija tiegħek tixhed preġudizzju kontra anke’ l-idea ta’ koalizzjoni. Dwarha aħna hawn Malta m’għandna l-ebda esperjenza mill-Indipendenza lil hawn. Fl-Ewropa kollha fi kważi kull pajjiż (ħlief l-Italja) hemm riżultati posittivi li nkisbu tul is-snin bħala riżultat tal-politika tal-kunsens. Anke’ f’San Marino!
Ħares lejn il-Ġermanja, Danimarka, Finlandja, Norveġja, Iżlanda, Awstrija, Olanda, Franza, Portugall, ………….. Riċentment r-Renju Unit ukoll beda jitgħallem kif iħaddem koalizzjoni.
M’hux l-ewwel darba li partit politiku kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed fil-Parlament Malti. Fl-1971 Mintoff kellu siġġu wieħed u ħlief inċident wieħed li kien jinvolvi lil Pawlu Carachi (meta talab siġġu fin-nofs) ma kienx hemm.
Fl-1987 il-PN ukoll kellu siġġu wieħed maġġoranza. Ma kellu l-ebda diffikulta.
Id-diffikultajiet inqalgħu fil-leġislatura tal-1996 u f’dik tal-lum. F’kull każ mhux id-differenza ta’ siġġu wieħed kienet il-kawża iżda l-instabilita’ tas-sistema taż-żewġ partiti. Kemm fil-leġislatura 1996-98 kif ukoll fil-leġislatura attwali d-diffikultajiet fil-maġġoranża li tappoġġa lill-Gvern inħolqu għax f’kull wieħed miż-żewġ partiti hemm diverġenza enormi fil- ħsieb u fil-metodu .
Il-kliem li kien intqal li Mintoff per eżempju fl-1996 kellu programm politiku għalih għandu jinftiehm fis-sens illi l-ideat u l-ideali tiegħu (u ta’ oħrajn) kienet tvarja b’mod sostanzjali minn dik tal-Partit li minnu kien jifforma parti.
L-istess qed jiġri llum fil-PN. Id-diskussjoni u deċiżjoni dwar id-divorzju forsi tillustra s-sitwazzjoni u l-qasma ideologika fi ħdan il-PN. Qasma li kull ma tmur tikber għax il-ġenerazzjonijiet il-ġodda m’humiex ser joqgħdu lura milli jesprimu dak li jaħsbu u dan irrispettivament minn dak li jgħidu u jagħmlu l-mexxejja tal-partiti politiċi.
Fi ftit kliem it-tweġiba għalqstant hi li dak li qed jiġri illum m’huwiex riżultat ta’ maġġoranza ta’ siġġu wieħed. Huwa iżda il-konkluzjoni loġika tal-fraġilita’ tas-sistema ta’ żewġ partiti liema sistema bdiet tikkrolla.