silta minn intervista li Andrew Azzopardi għamel lil Carmel Cacopardo ippubblikata 7 ta’ Lulju 2012.
Jekk trid tara l-ewwel parti tal-intervista għafas hawn.
Mistoqsija :
Taħseb li l-Partit Nazzjonalista ħa jirnexxilu joħroġ minn dan l-isqaq li sab ruħu fih?
Tweġiba
L-egħruq ta’ dak li qed jiġri illum fil-PN issibhom fl-ewwel xhur tal-2004.
Meta Lawrence Gonzi ġie elett Kap tal-PN għamel l-iżball li flok fittex li jintegra fit-tmexxija l-ġdida tal-PN lill-kontestanti l-oħra (Louis Galea u John Dalli) spiċċa b’Tonio Borg bħala l-Viċi tiegħu. Issa Tonio għalkemm fuq livell personali hu persuna mill-aħjar, kif ukoll ta’ integrita’ indiskussa, mhux kapaċi jmexxi. Qatt ma tajjar nar. Gonzi spiċċa b’John Dalli emarġinat u b’Louis Galea l-bogħod mill-magna tal-Partit.
Gonzi jidher li ma rrealizzax li Eddie Fenech Adami kien b’suċċess assigura illi dawk li kkontestaw miegħu għat-tmexxija tal-PN kienu involuti madwaru: Guido de Marco bħala Viċi Kap u Ċensu Tabone bħala President tal-Eżekuttiv. Eddie Fenech Adami kien ukoll kapaċi jisma’ l-kritika b’attenzjoni: ma kienx hyper-sensitive għall-kritika.
B’Louis Galea jew John Dalli Viċi Kap tal-PN flok Tonio Borg, il-PN illum kien ikun partit ftit differenti, mhux bla problemi imma ċertament mhux fi sqaq. Dan l-iżball Gonzi għadu jġorr l-effetti tiegħu sal-lum.
It-team ta’ madwar Gonzi minn l-ewwel ġurnata fittex li jipprattika l-politika ta’ winner takes all. Mhux biss, talli hemm dubju serju illi l-qlajjiet li wasslu għar-riżenja ta’ John Dalli jafu l-oriġini tagħhom madwar it-team li ħadem għal Lawrence Gonzi.
Biex il-PN joħroġ minn dan l-isqaq jeħtieġ mexxej ġdid li jħares b’mod oġġettiv lejn ideat differenti. Irid ikun xi ħadd li għandu egħruq fondi fil-partit, ħaġa li Lawrence Gonzi qatt ma kellu. Billi qatt ma kellu dawn l-egħruq Lawrence kien dipendenti iżżejjed fuq ta’ madwaru biex iħoss il-polz tal-Partit!
Biex joħroġ minn dan l-isqaq il-PN jeħtieġlu s-snin. Il-Labour ilu 25 sena fl-isqaq u s’issa għadu l-anqas ħareġ.