Tislima lil Joe Falzon

Illum ħarġet l-aħbar li l-Perit Joe Falzon ser jispiċċa mill-kariga ta’ Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA wara l–aħħar tax-xahar li qegħdin fih.

L-istorja hi waħda twila. Imma fil-qosor bdiet madwar 5 snin ilu fis-sajf tal-2007. Dakinnhar Joe Falzon kien għadu kif inħatar għat-tieni darba bħala Uffiċjal tal-Verifika. Meta reġa’ daħal fl-uffiċċju kien sab li l-assistent tiegħu, li kont jien, meta spiċċalu l-kuntratt ma kienux ġeddewhulu. Kienet qamet polemika fejn jiena kont akkużat li kelli konflitt ta’ interess.

Ara per eżempju dan l-artiklu tas-17 ta’ Ġunju 2007 u dan l-artiklu l-ieħor tal-24 ta’ Ġunju 2007 liema artikli ġew ippubblikati t-tnejn fit-Times.

Bħala konklużjoni tal-argumenti li kienu nqalgħu dwar id-dritt li kellu l-Perit Falzon li jaħtar l-assistenti tiegħu, u per konsegwenza jassigura l-indipendenza tal-operat tiegħu l-Ombudsman kien ippropona li l-funzjoni tal-Uffiċċju tal-Verifka kellha tgħaddi fl-uffiċċju tiegħu.

Meta eventwalment saret l-emenda fil-liġi din kienet tipprovdi illi l-ħatra l-ġdida (Kummissarju dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jidhirli) kellha issir bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni. Imma f’kaz li ma jkunx hemm qbil il-ħatra kellu jagħmilha l-Ombudsman.

Minn dak li hu magħruf s’issa jidher li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni ma qablux fuq min kellu jinħatar u l-Ombudsman għadda biex ħatar persuna huwa li ser jibda fil-ħatra fl-1 t’Awissu 2012.

Li sar ħażin kien li meta beda l-proċess li jdaħħlu fis-seħħ il-liġi l-ġdida lil Perit Falzon ma qalulu xejn. Ħallewh fil-għama u infurmawh fl-aħħar minuta!

Mal-Perit Falzon jiena ħdimt fil-qrib għal tlett snin sħaħ. Dejjem ħdimna bil-galbu u bir-reqqa u b’attenzjoni. Sfortunatament mhux talli mhux dejjem sibna l-kooperazzjoni talli ħafna drabi ħlief gambetti ma sibniex.

L-iskandlu tal-Mistra min kixfu?

Matul dawn l-aħħar jiem intqal ħafna dwar min seta kien jew ma kienx dak li saffar is-suffara (il-whistleblower) dwar l-iskandlu tal-Mistra.

Issa qed jintqal li kien uffiċjal tal-PN li wassal il-kuntratt tal-Mistra lill-Alfred Sant.

Issa jiena ngħid il-verita’ thawwadt ftit għax Alfred Sant dan l-aħħar kien ċar ħafna dwar kif wasal għandu l-kuntratt.  Sant kien ikkwotat li qal hekk :

“Kieku ma kienx għal whistleblower kuraġġuż fis-sistema pubblika li tqażżes jara l-mod kif il-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter kienu qed jintużaw lejliet l-elezzjoni bi sfreġju kbir għall-ambjent Malti, kieku l-istorja ma kinitx tasal għandi.”

Kieku jieqaf it-taħwid fit-tixrid tal-informazzjoni jkun ta’ ġid għal kulhadd!

L-aħħar punt. L-iskandlu ma nħoloqx bil-kuntratt. Il-kuntratt u l-qliegħ li kien ser ikun ġġenerat hu biss l-effett. L-abbuż sar fil-MEPA fil-mod kif ġie ipproċessat il-permess. Kif saru laqgħat bil-magħluq. Bi pressjoni u SMSs galore sakemm rakkomandazzjoni għar-rifjut ta’ permess ġiet mibdul biex il-permess inħareg. Ħalliha li wara l-elezzjoni a bażi ta’ rapport tal-Audit Officer tal-istess MEPA dan il-permess ġie irtirat.

Tajjeb li nżommu perspettiva realistika tal-affarijiet.

Iż-Żmien jagħtina parir

 

Ir-riżenja ta’JPO mill-Partit Nazzjonalista ma tibdel xejn min-numri Parlamentari. Fil-fatt JPO innifsu iddikjara li dwar materji li hemm fil-programm elettorali ser ikun lejali lejn l-elettorat li eleġġieh u jappoġġa tali proposti.

Dak imma iħalli għad-diskussjoni materji li m’humiex fil-programm elettorali, u nafu li minn dawn hemm ħafna.

Il-Liġi dwar il-Koabitazzjoni, il-Liġi dwar l-IVF, il-Liġi dwar il-Whistleblower m’humiex fil-programm elettorali tal-PN biex insemmi biss tlett miżuri.

U xi ngħidu dwar miżuri li jistgħu jkunu neċessarji fil-budget? Avolja huwa improbabbli li lejlet l-elezzjoni ġenerali  jkun hemm xi miżura iebsa.

Jibqa’ mbagħad miżuri partikolari li jistgħu jittieħdu biex jaġevolaw lil xi ħadd partikolari. Jekk dawn jitressqu għall-iskrutinju tal-Parlament membru parlamentari Indipendenti jħossu liberu dwar dak li għandu jagħmel, nittama. Iż-żmien jagħtina parir.

Dan kollu meta nikkunsidraw il-posizzjoni ta’ JPO. Għad irridu naraw dik ta’ oħrajn !

Gvern izappap : PN imxaqqaq

Wara r-riżenja ta’ JPO minn membru tal-PN u tal-Grupp Parlamentari tiegħu, l-Gvern ta’ Lawrence Gonzi issa hu Gvern li qiegħed izappap. Hu Gvern instabbli.

JPO ser jagħti appoġġ lill-Gvern minn barra l-Grupp Parlamentari. Ser jappoġġa t-twettiq tal-programm elettorali tal-PN imma jħossu liberu li jaġixxi fuq il-kumplament.

Franco Debono min-naħa l-oħra diġa iddikjara illi m’huwiex lest li jappoġġa Gvern li għandu lill-Austin Gatt bħala Ministru.

Kuntrarju għal dak li intqal minn uħud dan m’huwiex Gvern ta’ koalizzjoni, iżda Gvern li qed jikkrolla f’Parlament ta’ żewġ partiti biss. Is-sistema ta’ zewġ partiti fil-Parlament reġgħet falliet.

Veru Gvern izappap.

Il-PN jixraqlu aħjar

Mhux soltu li l-PN jidher imbenġel. Hekk deher iżda wara li, kif kien mistenni, l-Kumitat Eżekuttiv tiegħu ma approvax it-talba ta’ JPO biex ikeċċi lill-RCC mill-Partit Nazzjonalista.

Mingħajr sforz partikolari t-talba ta’ JPO kienet megħluba imma l-PN ma rebaħ  xejn. Fuq il-karta Gonzi rebaħ. Imma fir-realta’ kompla nieżel l-isfel b’ritmu iktar mgħaġġel.

Iktar ma jgħaddi żmien iktar qed jidher  ċar għal kulħadd li l-qagħda attwali tal-PN għandha l-egħruq tagħha fil-fatt li Lawrence Gonzi m’huwiex kapaċi jmexxi.

Gonzi jarmi n-nies bħal-lumi magħsur.  Dan hu l-għerq tal-clash bejn Gonzi u Jesmond Mugliette. Kien bagħtlu SMS biex jgħidlu li m’hemmx iżjed post għalih fil-Kabinett. Mhux mod kif tittratta lin-nies. Anke’ jekk hu veru li  Jesmond  Mugliette kien ftit għajjien bħala Ministru kien hemm mod ħafna iżjed ċivili kif jinfurmah li ma kienx ser jerġa’ jagħżlu bħala Ministru.

Il-każ tal-Kon Katidral ta’ San Ġwann forsi mhux kulħadd jiftakru. Imma dakinnhar kien diġa beda jberraq. Diversi fil-PN ma kienux kuntenti bil-proġett ta’ RCC biex iħaffer barriera quddiem San Ġwann ġol-Belt u mbagħad jikkonverti din il-barriera bħala parti mill-Mużew tal-kon-katidral.

Dakinnhar JPO kellu opportunita’. Kienet tressqet mozzjoni minn Joseph Muscat Kap tal-Opposizzjoni u Gonzi xamm li Muscat kien ser ikollu l-appoġġ ta’ JPO. Dakinnhar Gonzi irtira l-proġett ftit qabel ma bdiet is-seduta tal-Parlament li kien ċar illi kienet ser tordnalu biex ma jkomplix.

Dakinnhar Gonzi evita telfa imma tbenġel ftit mhux ħażin. Sfortunatament ma tgħallem xejn.

Dan kollu seħħ fi Frar 2009, iktar minn tlett snin ilu: daqshekk ilu jberraq.

Qattajt 30 sena minn ħajti naħdem fil-PN, viċin dawk li dejjem appoġgawh mingħajr pretensjoni ta’ xejn. Lil dawk li ħadmu u għamlu s-sagrifiċċji personali kbar għal dak li jemmnu, Gonzi u dawk ta’ madwaru jagħtuhom bis-sieq. Il-partit nazzjonalista ntagħġen bis-sagrifiċċji ta’ bosta li llum mhumiex ikkalkulati. Dan kollu Gonzi ma jħossux għax meta n-nazzjonalist kien qed jaqla’ fuq wiċċu hu kien komdu. Tfaċċa fix-xena politika meta tfaċċat l-opportunita li seta jaħtaf bħal frotta misjura li taqa’ dritt f’idejk minn fuq is-siġra.

Naħseb li l-PN jixraqlu aħjar.

Is-Saħta tal-Mistra

Qatt daqs f’dawn l-aħħar jiem ma kien ċar li l-PN qed iġorr fuqu s-saħta tal-Mistra.

Il-proposta ta’ JPO biex jitkeċċa RCC mill-PN ma kienitx sostnuta minn provi li jiġġustifikaw tali azzjoni. L-istess tip ta’ provi li kienu meħtieġa fil-Parlament meta minkejja li ma kienux hemm il-mozzjoni ta’ ċensura dwar RCC xorta kienet approvat.

Jidher ċar li kull min miss mal-kaz tal-Mistra ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali 2008 ma tistax tiġih waħda tajba.

“X’għamilt ħażin?” qal JPO lil Gordon Pisani f’diskursata bejniethom fil-presenza ta’ avukat meta sar magħruf li kien hemm kuntratt dwar l-art tal-Mistra u d-disco proġettat?

Kien ikun aħjar kieku Pisani wieġbu : “x’għamilt tajjeb?”

Sa dakinhar li faqqa’ l-każ tal-Mistra l-kredenzjali ambjentali ta’ JPO kienu tajba ħafna. Il-kampanja biex iwaqqaf is-simenterija taċ-Ċaqnu kif ukoll il-kampanja kontra l-miżbla (landfill) ħdejn l-Imnajdra kienu fost l-aħjar mumenti tiegħu. Tant li għal xi żmien kien deskritt bħal wieħed mill-politiċi bl-aħjar kredenzjali ambjentali f’Malta. Kien ingħata t-titlu ta’ The green politician of the year.

Issa minn persuna li ħadmet daqstant favur l-ambjent bilfors tistenna li qabel ma jieħu pass iqis sewwa. Jara l-impatti ta’ dak li jkun qiegħed jippjana b’mod iktar metikoluż minn ħaddieħor. Sfortunatament il-kuntratt li JPO kellu dwar il-Mistra u xtaq jaħbi (“mhux aħjar ma tkunx taf” qal lill-Pisani) juri li l-introjtu pekjunjarju kien l-iktar ħaġa importanti għal JPO.  Il-ħarsien dovut lill-Mistra skond dak li tipprovdi d-Direttiva dwar il-Habitats kien xi ħaġa irrelevanti.

F’dan kollu kien mgħejjun minn kultura ta’ irresponsabbilta fl-istrutturi tal-MEPA li qieset li ma kien hemm xejn ħażin filli żviluppatur jew persuna interessata fi żvilupp tiltaqa’ ma’ membri tal-Bord fil-magħluq, minn wara dahar kulħadd.

X’hemm ħażin?

Il-PN għażel li jipprova jgħatti dan kollu. Issa il-PN jeħtieġ li jħallas il-kontijiet talli ma kellux il-kuraġġ morali li jgħid li JPO żbalja. Irid iħallas il-kontijiet talli ipprova jpinġi lil JPO bħala l-vittma, meta l-vera vittma kienet il-komunita’, li suppost kellha MEPA biex tiddefendiha u minnflok kienet kompliċi ma’ JPO.

Kull min iċċappas mal-każ irid jerfa’ l-piż u jġorr fuq spallejħ is-saħta tal-Mistra. Anke RCC flimkien ma’ Gonzi u JPO għandu responsabbilta morali għal dak li ġara minħabba l-pariri li ta. Anke’ jekk kienu biss ta’ damage control.

Il-Partit Laburista li permezz ta’ Alfred Sant kellu l-karti f’idejh qabel l-elezzjoni tal-2008 tilef l-inizzjattiva minn idejh.  Sant iddeskriva lil JPO bħala morally and  politically corrupt. Imma s-suċċessur tiegħu m’għandux skrupli li jindiehes ma JPO u jipprova jinqeda bih. Huwa u jimxi b’dan il-mod Muscat qed juri li anke’ hu m’huwiex interessat f’servizz iżda f’logħba ċess. L-iskop aħħari  li jqarreb il-jum li jkun fil-gvern il-Labour, għal Muscat jiġġustifika kollox. Jiġġustifika kull mezz li jintuża. L-aqwa li jdgħajjef lill-għadu poltiku tiegħu.

Meta Muscat jimxi b’dan il-mod ikun qed juri għal darba oħra li m’hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL. Il-politika l-ġdida tagħhom hi nieqsa mill-valuri. Hi nieqsa mill-impenn favur dak li hu sewwa.  Huma interessati fil-maniġġi u fil-mossi: mhux daqstant dawk li jġibu lilhom il-quddiem, daqskemm dawk li jpoġġu lin-naħa l-oħra f’dawl ħażin.

Is-saħta tal-Mistra JPO raxxa ukoll fuq il-Labour.

Il-mozzjoni dwar RCC kien l-ewwel pass li deher.  Biha l-Labour ingħata l-opportunita’ li jidher kif fil-fatt hu: partit bla sinsla.

Il-PN ma jixraqlux ikun iżjed fil-Gvern. Pero’ il-Labour ma joffrix soluzzjoni. Għax minn ġot-taġen nispiċċaw fin-nar!

Il-pedamenti tar-Repubblika

 

JPO qed jiżbalja meta qed jipprova jqabbel iċ-ċirkustanzi tal-vot tiegħu dwar RCC fil-Parlament ma dak li ġara fl-istess Parlament meta twaqqfet ir-Repubblika fl-1974. Preċiżament meta 6 membri tal-Grupp Parlamentari tal-PN immexxija minn George Borg Olivier ivvutaw kontra l-emendi kostituzzjonali filwaqt li l-bqija ivvutaw favur.

Li ġara dakinnhar kien mhux ftit differenti minn dak li qed jgħid JPO.

Għax ftit ikbar minnu fl-eta kif ukoll għax kont attiv fil-PN mill-1976 niftakar iktar dak li ġara, b’mod partikolari minn dak li qalu fil-presenza tiegħi l-protagonisti fl-avvenimenti tat-twaqqif tar-Repubblika.

Il-Grupp Parlamentari tal-PN fil-maġġoranza kbira tiegħu qabel mal-pakkett finali tal-emendi kostituzjonali. Kienu sitta biss li kienu kontra : George Borg Olivier, Joseph Cassar Galea, Alexander Cachia Zammit, Albert Borg Olivier de Puget, Alfred Bonnici u Pawlu Borg Olivier.

Il-Grupp Parlamentari tal-PN biex jevita li l-Kap tiegħu ikun imbarazzat kien insista ma’ George Borg Olivier biex ikun hemm free vote. Il-free vote fir-realta’ kien jippermetti lill-George Borg Olivier u l-ħames membri parlamentari l-oħra biex jivvutaw kontra l-posizzjoni deċiża tal-Grupp Parlamentari.

Kien fil-fatt qam fil-Parlament Ċensu Tabone, dakinnhar Viċi Kap tal-PN u fil-Parlament spjega l-vot tal-Opposizzjoni.

Apparti s-sinifikat pożittiv tal-vot fih innifsu dak il-vot kellu sinifikat kbir kostituzzjonali u kien in parti qed jirrifletti l-pariri li l-Grupp Parlamentari tal-PN kien ħa minn għand il-kostituzzjonalista Ingliż  O. Hood Philips.

Dan li niftakar jiena minn dak li qalu quddiemi l-protagonisti. Nistgħu ma naqblux fuq bosta affarijiet imma m’hu fl-interess ta’ ħadd li ngħidu l-affarijiet differenti milli fil-fatt huma.

Qed tagħqad u George Abela qiegħed il-Peru

Il-Membri Parlamentari Jefffey Pullicno Orlando u Franco Debono qed jgħidu li l-President tar-Repubblika jkun ġustifikat illi jibgħat għall-Avukat Lawrence Gonzi, Prim Ministru, biex jara li dan jagħmel verifika dwar jekk għadux igawdi l-appoġġ tal-Parlament.

Imma l-President tar-Repubblika George Abela dan ma nistax jagħmlu minħabba li qiegħed għal missjoni l-Peru.

L-Onorevoli qed jirreferu għall-provedimenti kostituzzjonali li l-Prim Ministru j/tkun dik il-persuna minn fost il-membri tal-Parlament li tgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri parlamentari. Għax fil-waqt li l-parlament huwa elett għal ħames snin il-Gvern qiegħed hemm sakemm ikollu l-fiduċja tal-Parlament!

Issa Franco qal li meta l-Eżekuttiv tal-PN ikkundannah, dan għamlu fl-assenza tiegħu. B’hekk inkisru d-drittijiet tiegħu. Jekk mhux ser jittrattawħ “sewwa” u jirrevedu l-kundanna tiegħu huwa jkollu jikkunsidra mill-ġdid il-posizzjoni tiegħu fil-PN.

Qalilna ukoll li b’Austin Gatt fil-Kabinett ma jistax jappoġġa l-Gvern. L-anqas il-budget ma jista’ jappoġġa.

Issa fir-realta tant qal affarijiet li kont insejt li meta bdiet l-istorja kollha kien qalilna ukoll li lest jappoġġa lil kulħadd ħlief lil Lawrence Gonzi.

Il-kobba issa qed titħabbel. Jekk tagħqad waqt li George Abela jkun għadu l-Peru ikollu jersaq fin-nofs is-Sur Anton Tabone, Aġent President.

Id-dissens fil-PN

 

Id-dissens fil-PN hu trattat bħalma l-Knisja f’Malta kienet tittratta lil min ma jaqbilx magħha. Interdett. Skomunika.

Dan li jfissru l-kundanni tal-Eżekuttiv tal-PN fil-konfront ta’ JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette.

Jiena naħseb li qatt ma stajna nistennew mod ieħor kemm ilu l-PN immexxi minn ex-President tal-Azzjoni Kattolika.

Fl-Ewropa dħalna, imma fis-seklu wieħed u għoxrin għadna ma dħalniex!

Issa x’imiss li jiġri ?

Il-bieraħ il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN iddeċieda li tlieta mill-Membri Parlamentari tiegħu: JPO, Franco Debono u Jesmond Mugliette ma jkunux kandidati tiegħu u f’ismu fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fuq tnejn minnhom (JPO u Jesmond) ġja kien hemm dikjarazzjoni mill-kandidati infushom li ma riedux jerġgħu jkunu kandidati.  It-tielet wieħed, Franco, qal lill-media u riedna nemmnu li hekk kien, li Lawrence Gonzi riedu jerġa’ jkun kandidat. Ħalliha li Gonzi ċaħad dan.

Din tal-kandidaturi m’hi xejn. Kulħadd kien jistenniha għax kienet ovvja. Bħalma kienet ovvja li Austin Gatt kien ser ikun wieħed mill-iżjed li ser jopponi l-kandidatura ta’ Franco, kif l-istess Franco informa lill-media! X’tistenna? Wara l-kritika ħarxa lilu u lill-assistent tiegħu Manwel Delia (avolja kienet ġustifikata) fuq il-froġa tal-Arriva dan kien mistenni. Forsi Franco jirrealizza issa li l-astensjoni fil-vot ta’ sfiduċja dwar Austin Gatt kien żball da parti tiegħu. Għax il-konsegwenza loġika tal-argumenti tiegħu kellha tkun li Austin Gatt kellu jwarrab minn Ministru. Imma għal xi raġuni li s’issa għadni ma fhimtx Franco iddeċieda mod ieħor!

Fl-isfond ta’ dan kollu  Lawrence Gonzi irid li jtemm il-leġislatura sħiħa. Jiġifieri li l-Gvern immexxi minnu jibqa’ jiffunzjona sas-sena d-dieħla. Il-Parlament jista’ jibqa’ jiltaqa’ sad-9 ta’ Mejju 2013 u jekk jagħmel hekk l-iktar tard li tissejjah elezzjoni jista’ jkun is-Sibt ta’ qabel id-9 t’Awissu 2013. Dak il-massimu. Probabilment li Gonzi għandu f’moħħu li jġebbed sa Marzu 2013.

Imma l-mistoqsija hi : ser iwassal s’hemm?

L-aġenda parlamentari li hemm imħejjija għal wara l-vaganzi tas-sajf kif ukoll il-proġetti li jimmaturaw lejn l-aħħar tas-sena u l-bidu tad-dieħla jindikaw li Gonzi u l-PN ser jagħmlu sforz biex iġebbdu kif jistgħu. Imma dan ma jiddependix minnhom biss.

L-ewwel punt li jista’ jeffettwa hu x’ser jiġri mill-fattur RCC. Diġa jidher li JPO ser ikollu d-diffikultajiet. Il-Kummissarju tal-Pulizija, ġustament, qal li m’għandux ikollu x’jaqsam f’materja purament politika. Gordon Pisani hu ostili għal JPO u m’hu ser jgħid jew jagħmel xejn li jista’ jkun ta’ l-iċken ħsara għal Gonzi. Karmenu Vella diġa kixef idejh, u dak li qal jiddependi fuq il-kelma tiegħu kontra l-kelma ta’ RCC. Jibqa’ biss ix-xhieda ta’ Joe Mizzi u John Dalli!

Jiena m’hux qed nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’xi kundanna għal RCC meta jidher ċar li l-argument prinċipali  ser ikun dwar il-kuntatti bejn RCC u uffiċjali tal-Gvern ta’ Alfred Sant dwar l-iskorta li kellu RCC minħabba l-attentat kważi fatali li kien seħħ fuq ħajtu fl-Imdina. Dan ta’ l-inqas joħrog minn dak li qal Joe Mizzi tal-Labour u f’dan il-kuntest hi relevanti x-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija.  Il-kuntatti li qed jurtaw lil JPO probabilment żviluppaw minħabba li l-Gvern ta’ Sant irtira l-iskorta u RCC ħass (ġustament) li din kienet meħtieġa.

Fid-dawl ta’ dan jiena nistenna li l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN joħroġ b’eloġju għal RCC u kundanna oħra għal JPO. Dan ikun ifisser li tiħrax il-kampanja pubblika ta’ JPO kontra l-PN u magħquda mar-reazzjonijiet ta’ Franco Debono ifisser li l-ewwel seduti tal-Parlament f’Ottubru jistgħu jkunu determinanti.

Fid-dawl ta’ dan Gonzi jista’ jikkunsidra li jxolji immedjatament biex jevita konfront ieħor. Bosta qed jgħidulu biex jagħmel hekk, imma jidher daqstant ieħor ċar li ser jibqa’ jirresisti sakemm ma jkollux triq oħra. Sakemm ikun inevitabbli li jwarrab.

Sakemm jibqa’ imqar l-iċken tama li jista’ jibqa’ għaddej fil-Parlament naħseb li ser jibqa’ mkaħħal mas-siġġu f’Kastilja.