Simon jiġbor il-frak

Simon Busuttil inkwetat għax il-PN maqsum. Fir-realta’ l-PN mhux maqsum iżda qiegħed jiddiżintegra. Kelli l-opportunita’ li nikkummenta kif l-Opposizzjoni ħejjiet il-lixka għal Franco Debono li jidher li għadu l-anqas induna x’bela’. Bis-sunnara b’kollox. Għax kieku kif tista’ tispjega li dan jidhirlu li għandu jkun kandidat f’isem il-PN fl-elezzjonijiet li jmiss?

Dan apparti dikjarazzjonijiet li għamel fil-passat li kien irreżenja mill-PN. Ngħid jien min ikun irreżenja kif jistenna li jerġa’ jkun kandidat għall-Partit li irreżenja minnu?

L-istorja ta’ JPO hi iktar kumplessa. Charlo Bonnici sejħilha “payback time”.  S’issa hekk jidher li kienet fil-konfront ta’ RCC.  L-attakki qieshom logħba ċess: l-oġġettiv reali ma jkunx dak li jidher mad-daqqa t’għajn.

Naqbel ma Simon Busuttil li Muscat ta’ kontribut għad-diġenerazzjoni tal-politika f’Malta. Kif għidt iktar il-fuq f’dan il-blog Muscat u l-Partit Laburista identifikaw il-punti debboli tal-PN u iffukaw l-attakki hemm. Ħolqu l-għodda li Franco u JPO sabu addattati għall-iskop tagħhom. Kif wara kollox nafu mid-dikjarazzjonijiet li għamlu t-tnejn li huma biex jispjegaw għaliex ivvutaw favur il-mozzjonijiet imressqa mill-Labour Party fil-Parlament.

Busuttil iżda ma jgħidilniex dwar il-kontribut ta’ Lawrence Gonzi. JPO spjega kif, fil-fehma tiegħu, Gonzi u dawk ta’ madwaru (il-klikka, jsejħilhom JPO) warrbu min-nofs lil kull min ma kienx ta’ ġewwa. Ma spjegax Busuttil kif inhu possibli tara għadu f’kull min iħares lejn il-ħidma tal-Gvern u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż b’lenti kritika.

Waqt il-kampanja elettorali tal-2008 Gonzi imbotta lil Simon Busuttil biex jikkonvinċi li veru xtaq li “Flimkien kollox possibli”.  Pero dan ma ġarax. Għax dak li JPO sejjaħ apartheid politiku iktar intensifika minn Marzu 2008 lil hawn.

F’dan il-kuntest is-soluzzjoni ta’ Gonzi hi li jerġa’ jqabbad lil Simon Busuttil biex jorganizzalu l-laqgħat ma min jixtieq ikellmu! Biex dak li m’għamilx f’ħames snin jagħmlu issa!

Gonzi farrak u jidher li Simon ser  jiġbor il-frak !

L-aqwa li b’Gonzi moħħok mistrieħ!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s