L-għajta ta’ Lawrence Gonzi kienet waħda ta’ “Flimkien kollox possibli.” Għajta li tista’ tinterpreta b’diversi modi.
Għall-bidu għażilt li nagħtiha l-iktar interpretazzjoni loġika: sejħa biex jitwarrbu d-differenzi u naħdmu flimkien.
Kienet għajta li tagħmel ħafna iktar sens fil-kuntest tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali tal-2008. Vantaġġ miżeru kien l-uniku ġustifikazzjoni legali biex Gonzi jerġa’ jmexxi l-Gvern. Vantaġġ ta’ 1582 vot. (Vantaġġ li jinjora l-voti miksuba minn Alternattiva Demokratika, ftit nqas minn 4,000 vot.)
Din kienet is-siegħa tal-prova li fiha Gonzi seta’ juri li bejn dak li jemmen u dak li jagħmel m’hemmx differenza. Fil-kuntest ta’ dan ir-riżultat Gonzi kieku ried seta jifhem u jaqra l-kitba fuq il-ħajt.
Gonzi kellu l-opportunita’ tad-deheb, kieku ried, li jkun leali lejn dak li wiegħed u jfassal politika ta’ “flimkien”. Li jinvolvi firxa wiesa’. Li joqgħod iktar attent li ħadd ma jkun imwarrab minħabba l-fehmiet tiegħu jew tagħha.
Minflok għaddas rasu u baqa’ għaddej kif kien b’politika diviżiva: min mhux magħna, hu kontra tagħna. Għażel il-politika ta’ gonzipn : “Waħedna aħjar”. Politika li hu jaf kollox u ħaddieħor ma jaf xejn. Politika tiegħu li jfissirha bħala li hi fl-interess nazzjonali u min ma jaqbilx allura qed jaħdem kontra l-interess nazzjonali.
Dan sfortunatament hu Lawrence Gonzi.
Lili iddiżappuntani għax kont iffurmajt opinjoni ferm tajba tiegħu. Imma fis-siegħa tal-prova wera li kien bniedem ieħor.