RCC kien uffiċjal politiku

 

Naħseb li r-raġunijiet li ġiebet l-Opposizzjoni biex tiġġustifika l-mozzjoni tagħha kontra RCC kienu ftit inġebbda, u jekk xejn iktar kienu jiġġustifikaw mozzjoni ta’ sfiduċja f’Gonzi innifsu. Għax ngħiduha kif inhi: RCC ma ħa l-ebda deċiżjoni li jinqabeż il-Parlament. Jekk kien hemm din it-tip ta’ deċiżjoni, din ittieħdet mill-Gvern u r-responsabbilta’ għal dan hi ta’ Lawrence Gonzi biss u ta’ ħadd iktar.

Iktar kienu jagħmlu sens ir-raġunijiet li ġieb Jeffrey Pullicino Orlando, li minkejja dak li qal, kien hemm element qawwi ta’ tpattija personali fl-argumentazzjoni tiegħu.  Jeffrey ġieb argumenti li kienu jikkuntrastaw ma dak li qalet l-Opposizzjoni u fi kwalunkwe pajjiż demokratiku kienu jwasslu għal riżenja ferm kmieni ta’ RCC, kif wara kollox jidher li hu stess kien lest li jagħmel hekk kif tressqet il-mozzjoni tal-Partit Laburista.

Kien hemm  min argumenta li m’huwiex korrett li iċ-ċivil (jew aħjar uffiċjali pubbliċi – għax RCC kien uffiċjal pubbliku) jkunu mitluba jagħtu kont ta’ egħmilhom lill-Parlament. It-tweġiba tiegħi hi waħda: min jokkupa ħatra politika għandu jagħti rendikont politiku.

RCC kien uffiċjal pubbliku b’differenza: il-ħatra tiegħu kienet waħda determinata biss minn kriterji politiċi. Aġixxa bħala politiku billi ipparteċipa fil-laqgħat tal-Kabinett. Kien ukoll attiv politikament fl-Eżekuttiv tal-PN. Kien jeżerċita poter politiku – kważi bla limitu. Allura huwa xieraq li kien meħtieġ li jagħti kont politiku.