
Illum wara nofsinnhar jiena, Michael Briguglio u Ralph Cassar għan-nom ta’ Alternattiva Demokratika ħadt sehem f’diskussjoni dwar l-abbozz ta’ Liġi li Franco Debono stess ippreżenta fil-Parlament dwar il-finanzjament tal-Partiti Politiċi.
Iltqajna mal-Kumitat Magħżul tal-Parlament immexxi minn Franco Debono u magħmul ukoll mill-Onor. Francis Zammit Dimech u l-Onor Jose’ Herrera. Kienu preżenti ukoll rappreżentanti tal-PN u rappreżentanti tal-PL u xi mistednin oħra.
L-inizzjattiva hi flokha. Id-diskussjoni tal-lum kienet waħda ta’ natura ġenerali kif jixhdu ir-rapporti fil-media li irrappurtaw id-diskussjoni (Times, Malta Today u Di-ve).
Fil-prinċipju irrid ngħid li Alternattiva Demokratika taqbel mal-proposta ta’ Franco. Irrid imma ngħid li hemm numru ta’ dettalji importanti li jeħtieġu diskussjoni fit-tul u possibilment li l-proposti in kwistjoni jkunu ikkunsidrati mill-ġdid.
Ta’ importanza kbira hi ir-rwol propost għall-Kummissjoni Elettorali biex tirreġistra l-Partiti Politiċi kif ukoll biex tkun ir-regulatur finanzjarju tal-Partiti Politiċi.
Id-diffikulta toħroġ mill-fatt li l-Kummissjoni Elettorali hi maħtura esklussivament miż-żewġ partiti politiċi l-kbar (il-PN u l-PL). Żewġ partiti li kontinwament jużaw il-proċess elettorali biex jeskludu partiti oħra kif jixhdu l-emendi elettorali li saru tul is-snin liema emendi huma marbutin ma’ Parlament b’żewġ partiti politiċi.
F’laqgħat oħra ser nidħlu iktar fil-fond fuq id-dettalji tal-abbozz bit-tama li nsibu linja komuni fejn dak li naqblu dwaru insbu kliem addattat li jesprimih.
Wara l-laqgħa Alternattiva Demokratika għaddiet lil Franco Debono bħala Chairman ta’ dan il-Kumitat Magħżul tal-Kamra tad-Deputati proposti għal tibdil fil-Kostituzzjoni dwar l-elezzjoni ġenerali. Imma dwar dan ngħidilkom darba oħra.