Għażla bl-addoċċ

Wara li l-mozzjoni ta’ fiduċja ġiet approvata mill-Parlament il-Prim Ministru qalilna li l-kapitlu hu issa magħluq.

Ma naħsibx.

Kif kelli l-opportunita’ li ngħid iktar kmieni fil-kitba tiegħi fuq dan il-blog taħt it-titlu Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni  li qed jiġri hu li l-Opposizzjoni identifikat punt debboli tal-Gvern u qed tiffoka fuqu.

Ma hemm xejn li jindika li Franco Debono m’għadux il-punt debboli tal-Gvern.

Li Franco Debono kapaċi jikkritika huwa posittiv. Imma dak li ġie identifikat bħala l-motivazzjoni tiegħu għal din il-kritika huwa inkwetanti. Matul tmiem il-ġimgħa diversi gazzetti u blogs irreferew għal kummenti li intqalu minn Debono fil-konfront ta’ Carm Mifsud Bonnici li jekk minnhom jixħtu dawl fuq kif jaħdem moħħ dan il-Membru tal-Parlament.

Is-Sunday Times nhar il-Ħadd irrappurtat hekk :

The former Home Affairs Minister said that last Wednesday, after the vote, Dr Debono walked up to him and said: “Take that! This is what you get for badmouthing me with the Chief Justice.”

 

Jekk dan hu l-mod kif jaħdem moħħ id-Deputat Nazzjonalista wisq nibża’ li l-kapitlu għadu miftuħ beraħ. Anzi għadna fl-istess faċċata. Għax dan ifisser li l-Onorevoli Membru ma jaħsibiex darbtejn li fil-konfront ta’ min jaħseb li naqsu jidħol bir-ras u jfajjar b’dak li jkollu f’idejh.

Huwa ovvju li l-Prim Ministru jrid jikkalma l-affarijiet, counting his loses kif jgħidu, bit-tama li jkun jista’ jutilizza kemm jista’ milli baqa’ minn din il-leġislatura.

Imma meta tara u tisma’ x’ġara l-mistoqsija inevitabbli hi : l-partiti politiċi xi kwalitajiet ifittxu fil-persuni li jagħżlu biex jikkontestaw għall-elezzjoni ġenerali f’isimhom? Jiena (u naħseb li bosta oħra jaħsbu bħali) tal-fehma li uħud mill-kandidati jidhru li ntagħżlu bl-addoċċ.