Ftit riflessjonijiet tiegħi wara s-seminar tal-Fondazzjoni Ideat li fih ħadt sehem nhar is-Sibt f’isem Alternattiva Demokratika.
L-ewwel nett jiena diżappuntat bin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti tal-PN. Kienet opportunita unika ta’ diskussjoni mhux biss bejn rapprezentanti tat-tlett partiti politiċi iżda ukoll ma esperti u attivisti ambjentali. Dan ipoġġi f’perspettiva reali l-eżerċizzju li qiegħed jikkordina d-delegat speċjali ta’ Lawrence Gonzi. Simon Busuttil qiegħed jitħabat biex jorganizza l-laqgħat mas-soċjeta’ ċivili, imbagħad meta jiġu l-inviti għal diskussjoni jiġu injorati. Prova oħra tas-superfiċjalita’ tal-politika ta’ Lawrence Gonzi. Li iżjed milli jisma’ l-karba tal-miġugħ huwa interessat f’pontijiet elettorali. Mhuwiex interessat kif ser jissolvew il-problemi (li ma ħoloqhomx kollha hu!) imma hu interessat biss fil-voti.
Issa niġi għas-sustanza.
L-ilma huwa element mill-iktar essenzjali aħna u nħarsu lejn l-interazzjoni bejn l-ambjent u s-saħħa. Huwa neċessarju li nifhmu l-ħtieġa illi nieħdu ħsieb iktar tal-ilma bħala riżors essenzjali għall-ħajja. Għal kull ħajja. Mhux biss għal ħajja umana iżda ukoll biex tisseddaq l-ekosistema li minna l-bniedem jifforma biss parti żgħira. L-ilma tal-pjan hu fi stat disastruż u għaldaqstant huwa iktar essenzjali li noqgħodu attenti bl-esperimenti li jsiru minn żmien għal żmien. Il-proġett pilota li tħabbar reċentement biex isir artifical aquifer recharge bl-użu ta’ ilma riċiklat mid-drenaġġ huwa wieħed riskjuż. Hemm ħtieġa ta’ attenzjoni kbira f’dawn it-tip ta’ esperimenti li ma nispiċċawx nagħmlu iktar ħsara milli ġid.
L-impatti ambjentali ma jiddependux biss minn dak li nagħmlu aħna f’ Malta. Jiddependi ukoll minn dak li jagħmel ħaddieħor. Per eżempju it-42 vapur mgħobbi bi skart tossiku u nukleari li l-Mafja Taljan għerrqet fil-Mediterran għandhom ikunu ta’ tħassib għalina. L-ilma tagħna 60% ġej mill-baħar. Il-ħut ma josservax fruntieri u t-tniġġiż fil-baħar għaldaqstant għandu impatt ħafna ikbar milli naħsbu.
Waqt id-diskussjoni issemmew ħafna aspetti ambjentali li huma ta’ preokkupazzjoni.
Naħseb li l-iktar materja inkwetanti hi n-nuqqas ta’ kredibilita’ tal-istituzzjonijiet. Waħda wara l-oħra dawn l-istituzzjonijiet huma kompromessi għax m’għandhomx is-snien li jippermettulhom jaġixxu. Dan in-nuqqas joħroġ mill-fatt li l-Gvern jappunta l-membri waħdu. Mhux biss mingħajr ma jqis x’taħseb is-soċjeta ċivili dwarhom imma fuq kollox prinċipalment a bażi tal-lealta’ politika tagħhom.
Għal dan l-iskop Alternattiva Demokratika ilha żmien tinsisti illi huwa meħtieg li l-ħatra ta’ membri tal-Bord tal-Awtoritajiet tkun soġġetta għal public hearing fil-Parliament. Dan il-proċess jassigura li min ikun ser jinħatar ikollu l-opportunita li jispjega x’inhuma l-kompetenzi tiegħu/tagħha kif ukoll iwieġeb għal mistoqsijiet dwar kif l-imġieba pubblika tiegħu tista’ teffettwa l-ħidma tiegħu/tagħha fil-ħatra maħsuba.
Din hi proposta ta’ Alternattiva Demokratika fil-Programm Elettorali tal-2008 li l-Partit Laburista fl-Opposizzjoni uża fil-Parlament huwa u jikkritika ir-riforma tal-MEPA. Għamel tajjeb, biex ma ninftiehemx ħazin.
Huwa importanti li l-Parlament jieħu lura mingħand il-Gvern il-poter tal-ħatra tal-awtoritajiet kif ukoll huwa neċessarju li l-Parlament ikun kapaċi jissorvelja hu l-ħidma ta’ dawn l-awtoritajiet. B’hekk ikun assigurat iktar koordinazzjoni effettiva kif ukoll iktar kontabilita’.
Perit, jien naqbel mieghek kompletament f’kull haga li inti ktibt. Tant naqbel li m’ghandix x’inzid ma dak li inti ktibt.
Pero, ser nwassal dan l-artiklu tieghek lill Simon Busuttil, lill-Prim Ministru u lill-Kap ta’ l-Oppozizzjoni fil-Parlament. Ser nitlob lill-Kapijiet Politici sabiex jagixxu ghaliex f’dan il-pajjiz ma nistghux nkomplu kif sejrin f’affarijiet hekk krucjali. Forsi qumu mir-raqda li qeghdin fiha! Ser nibghat kopji lit-Times, lill-Mument u lill-Orizzont.
Naf li l-Alternattiva Demokrattika qeghda tipprova tagixxi pero sfortunatament m’hijiex f’sitwazzjoni fejn tist’ taghmel wisq.