Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni

Dak li għaddej fil-Parlament bħalissa hu serju ħafna.

L-ewwelnett hu serju fih innifsu li l-Parlament jiddiskuti mozzjoni ta’ ċensura f’Ministru. Hemm bżonn li jkun hemm iktar okkazjonijiet fejn Membri tal-Parlament li jkollhom il-fehma li Ministru jew ieħor naqas iġibu l-materja għad-diskussjoni.

Imma dak li qed jiġri issa fil-Parlament m’huwiex biex jiġi diskuss l-operat ta’ Ministru li naqas jew ta’  Ministeru li ma ħadimx.  L-affarijiet illum fil-Ministeru tal-Intern m’humiex wisq differenti milli kienu meta kien Ministru tal-Intern Tonio Borg matul il-perjodu 1998-2008. Pjuttost huma ftit aħjar.  Imma matul dawk l-għaxar snin l-Opposizzjoni Laburista ma ressqet l-ebda mozzjoni ta’ ċensura fil-Ministru tal-Intern.

Fil-qasam tal-ambjent hemm disastru. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura ma tressqet kontra Mario de Marco.

Fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd kif ukoll fil-qasam tar-Riżorsi l-affarijiet m’humiex sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura  ma tressqet kontra Ġorġ Pullicino.

Fl-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma l-affarijiet huma ferm il-bogħod milli jkunu sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni  ta’ ċensura ma tressqet kontra Tonio Fenech.

L-Opposizzjoni ressqet ukoll mozzjoni ta’ ċensura kontra Richard Cachia Caruana.

Dwar Richard Cachia Caruana u Carm Mifsud Bonnici tkellem b’mod kritiku Franco Debono. Għamel dan għar-raġunijiet tiegħu li spjega fil-pubbliku. Bħalissa l-Opposizzjoni taf kif jaħsibha Franco Debono fuq dawn it-tnejn min-nies u qed tipprova tisfrutta l-opportunita li għandha quddiema. L-ambjent, l-agrikultura, is-sajd, ir-rizorsi, l-enerġija u l-ilma għandhom importanza inqas għal Franco Debono f’dan il-mument meta tqabbilhom mal-Ministeru għall-Intern jew ma  Richard Cachia Caruana.

Li qegħda tagħmel l-Opposizzjoni hi ħaġa sempliċi ħafna: sabet punt dgħajjef tal-Partit fil-Gvern u qed tattakkah fejn iweġġa’. Hi għażla politika tal-Opposizzjoni li ssib fejn il-Gvern hu l-iktar debboli u tiftaħ attakk feroċi . Ilha għaddejja b’din l-istrateġija minn Novembru meta tressqet il-mozzjoni dwar Austin Gatt li dwarha, Franco Debono wara li għamel ħafna dikjarazzjonijiet favur il-mozzjoni bidel il-ħsieb u astjena.

Jidher li l-Opposizzjoni  ser tibqa’ għaddejja b’din l-istrateġija sakemm tinfed u jkollha vot favur tagħha.  Lil min tolqot u tweġġa’ fil-proċess m’hux wisq ta’ relevanza għaliha. L-oġġettiv tal-Opposizzjoni hu l-kollass tal-Gvern. Dan il-kollass, bid-dikjarazzjonijiet ta’ Franco Debono jidher li hu possibli.

Meta l-Opposizzjoni titlob iċ-ċensura ta’ Ministru u dak il-Ministru jsib l-appoġġ ta’ sħabu kollha ifisser li l-attakk fuq il-Ministru hu ukoll attakk fuq il-Gvern kollu. Għax meta l-Gvern jagħżel li jiddefendi lill-Ministru ifisser li qed jagħtih l-appoġġ u jidentifika ruħu miegħu. Dan wara kollox hu t-tifsira tad-dutrina tar-responsabbilta kollettiva. Il-Gvern bid-difiża li qed jagħmel lil Carm Mifsud Bonnici qed jgħid bla tlaqliq li r-responsabbilta’ mhiex ta’ Carm iżda hi waħda kollettiva tal-Gvern. Għalhekk  attakk (politiku) fuq membru tal-Gvern qed jiġi ikkunsidrat li hu attakk politiku fuq il-Gvern kollu.

X’ser jiġri  nhar l-Erbgħa naħseb li ħadd m’għandu idea. L-iktar meta wieħed iqis li saru diversi dikjarazzjonijiet li imbagħad ma issarfux.

Nistennew u naraw fejn ser tasal l-Opposizzjoni.

Sadanittant il-ħin għaddej. Dak ma jistenna lil ħadd.

4 comments on “Id-destinazzjoni tal-Opposizzjoni

  1. Il-parlament Malti, bhal Gustizzja ftit snin ilu, spicca f’sitwazzjoni tragika, tal-biki. Jiddiskuti dawn il-mozzjonijiet meta l-Ewropa tinsab fuq ix-xafra tas-sikkina finanzjarja.
    Franco Debono ilu jghid kif ihossa rigward it-tmexxija kemm ta’ Carm Mifsud Bonnici kif ukoll ta’ Richard Cachia Caruana. Jista’ jkun li Debono ghandu ragun….
    Il-Prim Ministru ilu jaf bl-inkwiet serju. U pprefera l-”waiting game” minflok ghamel dak li kien ghamel Alfred Sant meta kellu lil Duminku Mintoff ifixxklu.
    Sadanittant huwa l-pajjiz li qed ibati l-konsegwenzi. Jigifieri l-poplu sar l-iscapegoat tal-politikkanti!
    Kemm huwa minnu li xi politikanti dejjem ifittxu mhux l-interess tan-Nazzjon imma dak tal-Partit. U s’intendi, l-interess personali. Gharukaza!

  2. Hekk hu Karm … u sadanittant, issues ohrajn importanti jibqghu fuq l-ixkaffa jistennew id-dinja tispicca …

  3. Kull m’hu qed jigri hu frott tal-ghazliet li ghamilna fl-elezzjoni li ghaddiet.
    Il-poplu Malti ghazel sistema ta’ tmexxija bi-partitali u pogga bilqeghda jassisti ghal-glieda boxing, li din id-darba hija bejn zewg boxers tampar xulxin.

    L-istrategija bejn il-boxers tibqa l-istess…….dik li ssib il-punti debboli tal-avversarju tieghek, u timmartellah hemmekk. Kollox jghodd…..u kollox idur mal-fatt illi biex tirbah, jehtieg tkisser lil-avversarju tieghek.

    Fil-boxing m’hemm xejn kostruttiv ! Biex tirbah trid tiddemolixxi.

    Il-bicca tal-biki hi li l-biljett li qed inhallsu sabiex naraw din il-glieda boxing, kultant qed jigina gholi wisq. WISQ,

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s