Dak li għaddej fil-Parlament bħalissa hu serju ħafna.
L-ewwelnett hu serju fih innifsu li l-Parlament jiddiskuti mozzjoni ta’ ċensura f’Ministru. Hemm bżonn li jkun hemm iktar okkazjonijiet fejn Membri tal-Parlament li jkollhom il-fehma li Ministru jew ieħor naqas iġibu l-materja għad-diskussjoni.
Imma dak li qed jiġri issa fil-Parlament m’huwiex biex jiġi diskuss l-operat ta’ Ministru li naqas jew ta’ Ministeru li ma ħadimx. L-affarijiet illum fil-Ministeru tal-Intern m’humiex wisq differenti milli kienu meta kien Ministru tal-Intern Tonio Borg matul il-perjodu 1998-2008. Pjuttost huma ftit aħjar. Imma matul dawk l-għaxar snin l-Opposizzjoni Laburista ma ressqet l-ebda mozzjoni ta’ ċensura fil-Ministru tal-Intern.
Fil-qasam tal-ambjent hemm disastru. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura ma tressqet kontra Mario de Marco.
Fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd kif ukoll fil-qasam tar-Riżorsi l-affarijiet m’humiex sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura ma tressqet kontra Ġorġ Pullicino.
Fl-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma l-affarijiet huma ferm il-bogħod milli jkunu sewwa. Iżda l-ebda mozzjoni ta’ ċensura ma tressqet kontra Tonio Fenech.
L-Opposizzjoni ressqet ukoll mozzjoni ta’ ċensura kontra Richard Cachia Caruana.
Dwar Richard Cachia Caruana u Carm Mifsud Bonnici tkellem b’mod kritiku Franco Debono. Għamel dan għar-raġunijiet tiegħu li spjega fil-pubbliku. Bħalissa l-Opposizzjoni taf kif jaħsibha Franco Debono fuq dawn it-tnejn min-nies u qed tipprova tisfrutta l-opportunita li għandha quddiema. L-ambjent, l-agrikultura, is-sajd, ir-rizorsi, l-enerġija u l-ilma għandhom importanza inqas għal Franco Debono f’dan il-mument meta tqabbilhom mal-Ministeru għall-Intern jew ma Richard Cachia Caruana.
Li qegħda tagħmel l-Opposizzjoni hi ħaġa sempliċi ħafna: sabet punt dgħajjef tal-Partit fil-Gvern u qed tattakkah fejn iweġġa’. Hi għażla politika tal-Opposizzjoni li ssib fejn il-Gvern hu l-iktar debboli u tiftaħ attakk feroċi . Ilha għaddejja b’din l-istrateġija minn Novembru meta tressqet il-mozzjoni dwar Austin Gatt li dwarha, Franco Debono wara li għamel ħafna dikjarazzjonijiet favur il-mozzjoni bidel il-ħsieb u astjena.
Jidher li l-Opposizzjoni ser tibqa’ għaddejja b’din l-istrateġija sakemm tinfed u jkollha vot favur tagħha. Lil min tolqot u tweġġa’ fil-proċess m’hux wisq ta’ relevanza għaliha. L-oġġettiv tal-Opposizzjoni hu l-kollass tal-Gvern. Dan il-kollass, bid-dikjarazzjonijiet ta’ Franco Debono jidher li hu possibli.
Meta l-Opposizzjoni titlob iċ-ċensura ta’ Ministru u dak il-Ministru jsib l-appoġġ ta’ sħabu kollha ifisser li l-attakk fuq il-Ministru hu ukoll attakk fuq il-Gvern kollu. Għax meta l-Gvern jagħżel li jiddefendi lill-Ministru ifisser li qed jagħtih l-appoġġ u jidentifika ruħu miegħu. Dan wara kollox hu t-tifsira tad-dutrina tar-responsabbilta kollettiva. Il-Gvern bid-difiża li qed jagħmel lil Carm Mifsud Bonnici qed jgħid bla tlaqliq li r-responsabbilta’ mhiex ta’ Carm iżda hi waħda kollettiva tal-Gvern. Għalhekk attakk (politiku) fuq membru tal-Gvern qed jiġi ikkunsidrat li hu attakk politiku fuq il-Gvern kollu.
X’ser jiġri nhar l-Erbgħa naħseb li ħadd m’għandu idea. L-iktar meta wieħed iqis li saru diversi dikjarazzjonijiet li imbagħad ma issarfux.
Nistennew u naraw fejn ser tasal l-Opposizzjoni.
Sadanittant il-ħin għaddej. Dak ma jistenna lil ħadd.