Żvilupp Sostenibbli fil-Parlament

Il-bieraħ fil-għaxija fil-Parlament ġiet fit-tmiem l-ewwel parti tad-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi fuq l-iżvilupp sostenibbli. Ikkonkluda id-diskussjoni Mario de Marco li wieġeb il-kritika li saret matul id-diskussjoni.

F’dan l-istadju tajjeb li nfakkar li din hi liġi li ma kienitx meħtieġa għax il-parti l-kbira ta’ dak li fiha ġja qiegħed fl-istrateġija nazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli. Li qed jagħmel il-Gvern hu li joħloq liġi issa flok parti mill-istrateġija biex jipprova jiġġustifika li f’dawn il-ħames snin ftit li xejn l-iżvilupp sostenibbli ittieħdet bis-serjeta’. U dan minkejja d-dikjarazzjoni li saret favur l-iżvilupp sostenibbli fid-diskors mit-tron tal-President tar-Repubblika f’Mejju 2008 fl-ewwel seduta tal-Parlament tas-sessjoni kurrenti.

Fost il-punti negattivi li hemm fil-liġi hemm li ser tispiċċa l-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli. Hu punt negattiv għax il-kummissjoni kien tiġbor lis-soċjeta’ ċivili fuq issues ambjentali flimkien ma rappresentanti tal-Ministeri u awtoritajiet pubbliċi għal diskussjoni utli. Kien forum ambjentali li l-Gvern qatlu matul dawn il-ħames snin.

Fost il-punti importanti posittivi tal-abbozz hemm l-introduzzjoni tal-Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri. Jiena dejjem insistejt li Gvern li jagħmel proposti fuq livell internazzjonali b’ċerta pompa għandu jkollu l-konvinzjoni li dak li jippretendi mill-komunita’ internazzjonali jkun lest li jimplimentah f’Malta stess. Għalhekk ipproponejt il-ħolqien tal-kariga ta’ Gwardjan għall-Ġenerazzjonijiet Futuri. Proposta li Mario de Marco għan-nom tal-Gvern aċċetta u inkludiha fil-liġi. Seta fassalha b’mod aħjar.

Issa l-abbozz jgħaddi biex ikun diskuss fid-dettall tiegħu u imbagħad forsi jkun implimentat.