Dear Henrik ……………. id-diskussjoni f’alternattiva

Mela l-aħħar waħda issa hi li Alternattiva Demokratika saret partit kommunista.

Meta Henrik Piski rreżenja mill-Eżekuttiv ta’ AD, inkluż minn Deputat Segretarju Ġenerali u kelliemi qal li ma jaqbilx mal-kommemorazzjoni minn AD ta’ Jum il-Ħaddiem nhar l-Ewwel ta’ Mejju. B’mod partikolari iddejjaq meta saret konferenza stampa dwar il-materja quddiem il-monument li jfakkar it-twaqqif tal-GWU fl-Imsida. Dan qal Piski hu simboliżmu qawwi li jfakkru fil-pajjiżi komunisti.

Imissu l-konferenza stampa saret quddiem l-uffiċini tal-ETC (Ħal-Far) qal Piski.

Għal dawn ir-raġunijiet imġebbda AD qed tkun deskritta bħala komunista!

Li Piski għandu dawn l-ideat nifhmu. Mhux biss għax qalhom imma għax hu oriġina mill-Lvant tal-Ewropa u kull ilma jaħsbu misħun. Imma li jkun hemm min irewwaħlu u jkabbar u jesagera dak li jgħid, din storja oħra. Bilfors twassal għal konklużjoni li hemm min irid jinqeda bih għal xi skop ieħor. Iż-żmien jagħtina parir.

F’Alternattiva niddiskutu. Xi kultanjt naħseb li niddiskutu ż-żejjed. U meta tiddiskuti joħorġu l-kuntrasti tal-ideat. Kull wieħed minna  f’AD għandu l-ideat tiegħu. Mhux l-ewwel darba li ma naqblux. Ħafna drabi nirriżolvu l-opinjonijiet differenti billi naslu għal kunsens. Dak li jiġri f’partit serju u demokratiku.

Advertisements