Joseph Muscat u l-ilma tal-Coca Cola

Il-Kap tal-Opposizzjoni illum żar il-fabbrika tal-Coca Cola fil-Marsa.  Fabbrika li minnha l-kumpanija General Soft Drinks Co Limited tipproduċi diversi minerali.

Skond kif rappurtat fit-Times online Joseph Muscat ma qal xejn interessanti ħlief li l-Kumpanija hi immexxija minn mara u li l-Kumpanija għandha ideat interessanti fuq il-konservazzjoni tal-ilma!  It-Times ma tgħidx li dawn l-ideat interessanti huma l-użu tal-boreholes!

Il-Malta Today online min-naħa l-oħra tagħtina iktar informazzjoni dwar x’ġara waqt iż-żjara ta’ Joseph Muscat.

L-uffiċjali tal-Kumpanija jidher li qed jilmentaw fuq il-metering tal-boreholes. Muscat irid jikkuntenthom għax qallhom li “dik m’hiex l-unika soluzzjoni”.

Jidher li Muscat għadu ma fehem xejn dwar l-ilma. Ejja ngħiduha bi kliem sempliċi : l-ilma tal-pjan spiċċa. Ftit baqa’ u l-ftit li baqa’ jeħtieġ li jkun użat għall-ħtiġijiet tax-xorb tal-Maltin u mhux għall-business.

Tajba din. Aħna nħallsu kontijiet tal-ilma m’għola s-sema u kumpaniji bħall-General Soft Drinks Co. Limited itellgħu l-ilma tal-pjan bla ħlas jew bi ftit ħlas. Mela l-Coca f’Malta hi sussidjata mill-kontijiet tal-ilma li jħallsu l-Maltin!

Ħasra li għad m’hawnx liġi li tirregola l-finanzjament tal-Partiti Politiċi għax kieku konna nkunu nafu min jagħti donazzjonijiet!

Meta imbagħad naraw il-laxkezza f’oqsma bħall-ilma forsi nkunu nistgħu nifhmu l-affarijiet ħafna  aħjar.

 

ara ukoll fuq dan il-blog il-post tas-16 ta’ Settembru 2011 intitolat : L-Ilma tal-Coca Cola.