Il-Malta Today u l-Illum tal-Ħadd li għadda 19 ta’ Frar 2012 ippubblikaw storja li fiha żvelaw kif Lawrence Gonzi uża ajruplan tal-Forzi Armati biex jattendi laqgħa politika tal-Partit Popolari Ewropew ġewwa Palermo f’Mejju 2011.
Skond l-Illum l-ispjega li ngħatat kienet illi kieku ma għamilx hekk ma kienx ilaħħaq jiġi lura biex jindirizza konferenza internazzjonali tan-Nurses iktar tard fl-istess jum.
Mela issa qegħdin tajjeb. Il-Gvern iġib l-għajnuna tal-Unjoni Ewropeja biex jixtri ajruplan Hawker Beechcraft Kin g Air li sewa €9.6 miljuni. Ajruplan intenzjonat biex jissorvelja l-fruntieri marittimi ta’ Malta kif ukoll biex jagħti għajnuna ta’ salvataġġ li tkun meħtieġa.
F’jum minnu dan l-ajruplan flok ma jintuża fuq xogħolu jintuża biex iwassal Kap ta’ Partit Politiku għal laqgħa ta’ partiti politiċi.
M’hiex skuża aċċettabbli dik li nġiebet li m’hemmx flights ta’ l-Air Malta disponibbli.
Il-kaxxa ta’ Malta m’għandiex tissussidja lill-Partit poltiiku ta’ Lawrence Gonzi.
Tajjeb li nkunu nafu x’għamel l-Awditur Ġenerali dwar dan il-każ ta’ abbuż fejn l-armata ta’ Malta qed tiffinanzja l-attivita’ politika tal-PN billi wasslet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Palermo u ġiebitu lura.