Il-Parlament il-lejla ser jibda jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi dwar l-iżvilupp sostenibbli.
Dan ser isir 4 snin wara li fid-diskors li bih ġie msejjaħ biex jiltaqa’ l-Parlament kurrenti l-President tar-Repubblika f’Mejju 2008 kien qal li l-Gvern kien ser jibbaża ruħu fuq il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli. Kienu 4 snin li matulhom ma iltaqatx il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli.
Preżentement għaddejjin il-preparazzjonijiet ghall-konferenza internazzjonali tal-Ġnus Magħquda dwar l-iżvilupp sostenibbli imsejħa Rio +20. Ban Ki Moon, Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, fir-rapport tiegħu intitolat Objectives And Themes Of The United Nations Conference On Sustainable Development ifisser kemm hu importanti li jinbnew l-istituzzjonijiet kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell lokali biex permezz tagħhom tkun faċilitata l-integrazzjoni tal-politika fid-diversi oqsma kif ukoll l-implementazzjoni tagħha.
Din hi l-isfida li dan l-abbozz jindirizza. Qegħdin tard ħafna. Hu abbozz li għad jista’ jiġi imtejjeb.
Sfortunatment ġie fl-aħħar tal-leġialatura liema fatt juri li l-materja m’hiex waħda ta’ importanza għall-Gvern tal-lum.
Ikun floku imma li nfakkar li Alternattiva Demokratika tat kontribut fid-diskussjonijiet ta’ konsultazzjoni li saru mill-Gvern permezz tal-Ministru Mario Demarco. Ipproponejna l-ħolqien ta’ Gwardjan li jħares il-ġenerazzjonijiet futuri. Proposta li ġiet inkluża fl-abbozz finali.
Għax l-iskop aħħari tal-politika dwar l-iżvilupp sostenibbli hu li b’dak li nagħmlu illum, aħna u nindirizzaw id-diffikultajiet tal-lum, nagħmlu dan b’impenn u rispett lejn dawk li ġejjin warajna. Il-ġenerazzjonijiet ta’ għada ukoll għandhom id-dritt li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom. B’dak li nagħmlu aħna illum għandna nassiguraw li huma ukoll ikunu jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom.
Ara ukoll fuq dan il-blog :
Exercise in practical democracy.
Gwardjan għal Ġenerazzjonijiet Futuri.
Increasing environmental awareness.