Id-Direttiva tal-Mistħija : l-aħħar Att

 

Dal-għodu kont infurmat bit-telfon li xtaq jiltaqa’ miegħi Dr Godwin Grima is-Segretarju Permanenti Ewlieni li hu ibbażat f’Kastilja. Xtaq jiltaqa’ miegħi dwar id-Direttiva Numru 5, dik li jiena iddeskrivejt bħala d-Direttiva tal-mistħija.

Fil-fatt iltqajt ma Dr Grima illum fl-4.00 pm. Kont akkumpanjat mill-kollega tiegħi l-Professur Arnold Cassola.

Dr Grima qalli li id-Direttiva qed tkun interpretata ħażin għax l-intenzjoni dejjem kienet li l-kandidat ikollu d-dritt li jagħżel hu jekk waqt il-kampanja elettorali għall-Kunsilli Lokali jibqax jaħdem, jużax il-leave tiegħu jew jagħmilx użu minn leave bla ħlas.

Jiena ġbidt l-attenzjoni ta’ Dr Grima li fil-waqt li l-intenzjoni tiegħu kienet waħda nobbli l-kliem tad-Direttiva kien jgħid mod ieħor.

Qrajtlu din il-biċċa :

“ ……… so however that in each of the three cases, the prospective candidate has no option but to avail himself/herself of unpaid electoral leave for an uninterrupted period of at least 15 working days ….” (ara paragrafu 4.1 tad-dokument hawn anness)

Din ma tikkorrispondix mal-intenzjonijiet tiegħek, Dr Grima, għidtlu.

Dr Grima qalli li għandi raġun u wegħdni li ser jieħu ħsieb li jikklarifika l-affarijiet.

Din hi l-istorja kollha. Issa jekk kienx żball ġenwin jew xi ħaġa oħra ma nafx.

L-importanti li Alternattiva Demokratika indunat filwaqt li ħaddieħor li hu mħallas biex ikun imqajjem baqa’ rieqed (per eżempju l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali).

Direttiva tal-Mistħija

Id-Direttiva li ħareġ is-Segretarju Permanenti Ewlieni f’l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar l-impenn politiku fil-Kunsilli Lokali hi tal-mistħija.

Din id-Direttiva hi immirata lejn l-impenn ta’ dawk li jaħdmu fis-settur pubbliku. Ħarġet inkiss inkiss tant li ftit kienu dawk li jafu biha.

Dawk li qegħdin fi grad minn skala 5 (jew ekwivalenti) il-fuq m’humiex effettwati. Ma kienx possibli għalihom li jinvolvu ruħhom u hekk baqgħu. Il-bqija setgħu imma issa għandhom id-diffikulta li jridu joħorġu bil-leave.

Id-direttiva titkellem dwar leave bla ħlas għal ħmistax-il jum tax-xogħol.

Min huwa dipendenti fuq il-paga ser ikun ikkastigat talli qed joffri servizz volontarju lill-komunita. Qed ikun ikkastigat tal-impenn tiegħu fil-ħajja pubblika. Min għandu familja x’jgħajjex u loans xi jħallas ma jistax jagħmel is-sagrifiċċju finanzjarju li d-Direttiva qed titlob minnu.

Il-bieraħ fi stqarrija inbidlet ftit id-diska u qiegħed jingħad li flok leave bla ħlas il-ħaddiema tas-settur pubbliku li jikkontestaw għall-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jutilizzaw il-leave annwali tagħhom. Dan mhux tajjeb biżżejjed għax ifisser li ser ikunu mitluba jużaw prattikament il-leave kollu tagħhom għal sena sħiħa. B’hekk ser jitqegħdu f’posizzjoni li jnaqqsu l-ħin tal-mistrieħu tagħhom mal-familji tagħhom. Dan minn Gvern li jipprietka ħafna favur il-familji.

Ma ntqal xejn kif ser jintlaqtu dawk li m’għandhomx leave, bħall-għalliema. Dawn m’għandhomx leave annwali u huma kkumpensati bil-vakanzi tal-iskejjel fil-Milied, l-Għid u fis-sajf.

Min ħa d-deċiżjoni li wasslet għal din id-Direttiva qed jattakka l-impenn politiku taċ-ċittadin iż-żgħir li qiegħed jimpenja ruħu fl-egħruq tal-komunita’.

Dan hu attakk fl-egħruq demokratiċi tal-pajjiż.

Istħu. Jekk tafu kif.