Ir-Riżenja tiegħi mill-PN

Ftit iktar minn 4 snin ilu, wara 32 sena jiena irreżenjajt minn membru tal-Partit Nazzjonalista. 

L-ittra tiegħi ta’ riżenja wassalta jiena bl-idejn fl-uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali tal-PN ta’ dak iż-żmien Joe Saliba nhar is-16 ta’ Jannar 2008. Għaddew 49 xahar u s’issa ħadd għadu ma wieġeb l-ittra ta’ riżenja.

L-uniku kumment kien għamlu Lawrence Gonzi waqt konferenza stampa. Ara 1 u 2.

Jiġifieri Franco Debono m’għandux għalfejn jistagħġeb li l-ittra tiegħu ta’ riżenja minn membru tal-PN baqgħu ma wieġbuhiex.

Forsi wieħed jifhem li għalkemm ir-riżenja tiegħi u r-riżenja ta’ Franco Debono minn membri tal-PN saru f’ċirkustanzi differenti l-motiv bażiku hu l-istess: il-PN immexxi minn Lawrence Gonzi mhux biss jiddefendi lil min jiżbalja, talli jippremjah. Imbagħad ma min jagħmel xogħolu jimxi bil-gambetti.

49 xahar ilu lil Joe Saliba jiena kont għidtlu dan li ġej:

“Meta sseħibt fil-Partit Nazzjonalista kont nidentifika ruħi bla diffikulta miegħu.  Iżda illum ilni żmien nagħmel sforz nistaqsi lili nnifsi jekk il-PN għadux l-istess Partit li jiena sseħibt fih fis-snin 70. Qiegħed nasal għall-konkluzjoni illi kieku kelli nagħmel l-għażla illum ma kontx nagħżel li nissieħeb.    

Għal dan hemm bosta raġunijiet. Prinċipalment (iżda mhux biss) l-attitudni leġġera li bih il-Gvern immexxi mill-PN (kif ukoll il-PN innifsu) ħares lejn w aġixxa fil-konfront ta’ min mexa ħażin fil-ħajja pubblika.

Fil-konfront ta’ min mexa ħażin kontinwament isir attentat biex jinsatru u jitmewwtu l-affarijiet. Iżda imbagħad fil-konfront tal-ħidma tiegħi fil-MEPA jiena ġejt ostakolat milli nkompli l-ħidma li kont qed inwettaq fl-Uffiċċju tal-Verifika (Audit Office) b’elf skuża. Ir-raġuni vera ma tissemma qatt : li nibtet intolleranza għall-kritika u għal min kapaċi jaħseb b’moħħu. Min ma jittollerax il-ġbid tal-ispag qiegħed kontinwament jiġi imwarrab.”

X’inbidel mill-2008 lil hawn? Minn dak li qiegħed jgħid Franco Debono is-sitwazzjoni marret għall-agħar. 

Il-PN ma jridx jitgħallem u ma jinbidel qatt. Qabad it-triq tan-niżla.