Fid-dell tal-Katidral

Lawrence Gonzi irid li l-Grupp Parlamentari tal-PN jappoġġah bla kundizzjoni. Jistenna li dak li jiddeċiedi hu bħala Prim Ministru għandu jkollu l-approvazzjoni bla kundizzjoni tal-Membri Parlamentari eletti f’isem il-PN. 

Għalhekk gonzipn. Qiesu l-PN hu propjeta’ personali tiegħu bid-dritt li jiddeċiedi hu wara li jikkonsulta ruħu ma min irid u jekk iħoss il-ħtieġa. Hekk kienu jagħmlu r-Rejiet u l-Isqfijiet. Mhux biss fil-Medju Evu imma anke sa relativament riċenti.

Ir-Re kien jippretendi d-dritt li jiddisponi minn kollox u minn kulħadd. L-Isqof  kellu pretensjonijiet ta’ poter temporali li ma jispiċċa qatt.

Li tkun tmexxi għal dawn it-tip ta’ nies kien ifisser li tippretendi li  jkollok ispirazzjoni divina. Għalhekk (għalihom) diffiċli li tiżbalja. Ikollok raġun dejjem. Attitudni din ta’ bosta minn dawk li trabbew fid-dell tal-Katidral.

Hawn hi l-qalba tal-konflitt bejn Lawrence Gonzi u Franco Debono. Franco jidhirlu illi l-ħidma tal-Gvern immexxi mill-PN għandha tkun skrutinata anke’ mill-Grupp Parlamentari tal-PN. Li tkun skrutinata jfisser li tkun soġġetta għal eżami kritiku. Ifisser ukoll li l-istandards li jintalbu minn ħaddieħor għandhom l-ewwel u qabel kollox ikun applikati mal-Gvern immexxi mill-PN. Ovvjament biex dan isir sewwa jeħtieġ li jitlaqqa’ regolarment il-Grupp Parlamentari. Jiena infurmat li ħlief fi żmien ta’ kriżi dan rari jiltaqa’. Ovvjament jidher li Lawrence Gonzi ma jħossx il-ħtieġa li l-Grupp Parlamentari jiltaqa’ regolarment għax kieku kien ilaqqgħu.

Lawrence Gonzi m’huwiex komdu li jkollu lil ta’ madwaru jgħidulu fejn qed jiżbalja. Jirrabja meta ta’ madwaru mhux biss jgħidulu li jkun qed jiżbalja imma jinsistu li hu jieħu azzjoni biex jikkoreġi l-iżball. L-azzjoni jippretendi li jiddeċiedi hu dwarha mingħajr il-ħtieġa ta’ suġġerituri.  

Hekk kienu jagħmlu ir-Rejiet u l-Isqfijiet. Bħala konsegwenza tkissru huma u ta’ madwarhom għax m’għarfux is-sinjali taż-żminijiet. It-tmexxija fis-seklu 21 tivvalorizza lil kulħadd u hi iktar effettiva jekk tkun waħda kolleġjali.

Sfortunatament Gonzi għażel triq oħra. Dik li tgħallem fid-dell tal-Katidral.