Il-ġlekk ta’ Lawrence Gonzi

 

Il-Partit Nazzjonalista bħala nisrani jemmen fil-maħfra. Dejjem kien lest li jaħfer id-dnubiet kollha tal-Membri Parlamentari tiegħu.

Jekk jakkużawk li abbużajt minn xi ħatra pubblika u l-Awditur Ġenerali jkollu l-ardir jinvestiga xi membru parlamentari li jirrappreżenta lill-Gvern, fuq il-Kumitat għall-Kontiijiet Pubbliċi, tal-PN xejn ma jiddejqu joħduha kontrieh. Dak il-ħażin li tkun għamilt jkunu lesti li jaħfruħ u jinsewh. S’intendi mhux għall-ħelu wiċċek iżda minħabba li fl-aħħar dan ser jirrifletti fuqhom!

Ma hemm l-ebda dnub (politiku) li ma jinħafirx mill-PN lis-segwaċi tiegħu. Ħlief wieħed biss. Jekk il-lealta’ tiegħek ma tkunx inkundizzjonata ser ikollok problemi kbar. Dan hu d-dnub ta’ Franco Debono. Mhux li m’hux leali. Iżda li l-lealta’ tiegħu m’hiex inkundizzjonata.  

Franco għadu ma fehemx li l-Kap bħala persuna umli ħafna jista’ jiżbalja. Imma meta jiżbalja filwaqt li tista’ tikkritikah fl-aħħar xorta trid tbaxxi rasek għad-deċiżjonijiet tiegħu. Għandu dritt jippremja lil min jiżbalja. U jekk tazzarda tisisti li hu qed jiżbalja u li għandu l-obbligu li jirrimedja, l-kastig tieħdu int.

Għax id-dnub tiegħek hu l-ikbar wieħed: kellek l-ardir tgħid lill-imperatur quddiem kulħadd li qiegħed għarwien. U dan jistona meta tqies li l-fidili ilhom żmien twil jgħidulu kemm jixirqulu l-ġlekk u l-ingravata!

Hans Christian Anderson u l-aħwa Grimm kitbu l-ħrejjef. Sfortunatament aħna qed ngħixuhom.