Il-biċċa deputat

Il-biċċa deputat huwa dak li ma jirnexxilux jgħid dak li jemmen. L-anqas dak li jaħseb. Ġeneralment għax ftit li xejn jaħseb. Għax hemm min jaħseb għalih. Iħossu komdu hekk!

Meta tħalli lil ħaddieħor jaħseb għalik ma tantx tiġi fil-għali malajr imma tkun qed tneżża’ lilek innifsek mid-dinjita’. Ma tkunx deputat, tkun biss biċċa deputat. Tista’ tkun Ministru jew Segretarju Parlamentari għax tkun biċċa Ministru jew biċċa Segretarju Parlamentari.

Sfortunatament għandna bosta eżempji ta’ dawn il-biċċiet fl-istorja politika ta’ pajjiżna: fil-mument deċiżiv dejjem ħasbu għal ġildhom u insew dak li ġew eletti għalih.