L-argument ċentrali fid-diskorsi li għamel Franco Debono, kemm fil-Parlament kif ukoll barra, kien li Ministri li fallew għandhom jerfgħu r-responsabbilta’ politika ta’ egħmilhom. Ma jistax ikun li min jiżbalja minflok ma jkun iċċensurat jiġi ppremjat qal Franco Debono.
Fejn id-demokrazija hi żviluppata hekk jiġri.
Peter Mandelson, per eżempju, darbtejn irreżenja mill-Kabinett ta’ Tony Blair. It-tieni darba irreżenja għax għen lil żewġ aħwa miljunarji jakkwistaw passaport Ingliż u per konsegwenza ċ-ċittadinanza, u dan wara li taw donazzjoni ta’ miljun lira sterlina għall-Millenium Dome: proġett tal-Gvern Ingliż għall-bidu tat-tielet millenju li kien ikkordinat minn Mandelson. Kien hemm inkjesta li l-gazzetti Ingliżi jirreferu għaliha bħala “Cash for passports scandal” li kkonkludiet li Mandelson ma kien għamel xejn ħażin. Imma xorta irreżenja.
F’Malta Austin Gatt jgħaffeġ fir-riforma tat-trasport b’ħames xhur ta’ taħwid ma jispiċċa qatt. Dolores Cristina ma tafx x’inhu jiġri dwar il-fondi Ewropej li ntilfu wara taħwid amministrattiv fil-Ministeru tagħha.
It-tnejn baqgħu Ministri. Bil-kemm skużaw ruħhom.
Lawrence Gonzi qalilna li “with hindsight” saru l-iżbalji imma għalihom ser jerfa’ r-responsabbilta’ hu.
Tafu kif?
Le, mhux ser jirreżenja iżda ser isejjah elezzjoni għall-Kap tal-PN u jidher li ser itellaq waħdu.
X’responsabbilta’ politika hi din? Veru li Lawrence Gonzi għandu vokabolarju għalih.