Lenti fuq ir-rewwixta : 2) Lealta’ tal-lastku

Meta nitkellmu dwar dak li għaddej bħalissa fil-Parlament id-diffikulta għall-pubbliku hi jekk il-Membru Parlamentari jaqbiżx il-linja immaġinarja tal- “lealta’”.

Lejn min għandhom ikunu leali l-Membri tal-Parlament?

Kif nifhimha jiena l-lealta’ tal-Membru Parlamentari dejjem hi lejn dak li jemmen. Li jkun konsistenti miegħu nnifsu u ma dak li tiddettalu l-kuxjenza tiegħu. Imbagħad wara tiġġudika l-istorja.

Hekk għamel il-Membru Parlamentari Għawdxi Kurunat Attard fl-ewwel seduta tal-Parlament fi Frar 1962 meta qasam il-Kamra u abbanduna l-Partit Demokratiku Nazzjonalista (ta’ Herbert Ganado)  u ngħaqad mal-PN ta’ Ġorġ Borg Olivier. Bil-vot tiegħu Borg Olivier fil-Gvern kellu 26 vot minn 50. Mingħajru kellu 25. Mingħajr il-vot ta’ Kurunat Attard  il-Gvern seta’ kellu diffikulta anke’ dwar il-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta.  Wara li qasam il-Kamra Kurunat Attard baqa’ jitla’ fil-Parlament elezzjoni wara l-oħra sal-1987 meta ħadet postu fil-Parlament bintu Giovanna Debono. L-istorja tat il-ġudizzju tagħha.

Hekk ukoll għamel Alfred Baldacchino li qasam il-Kamra fl-1974 meta telaq il-PN u ngħaqad mal-Labour. Bil-vot tiegħu il-Gvern Laburista immexxi minn Dom Mintoff kellu 29 vot. Mingħajru kellu 28 minn 55 u ma setax jemenda l-Kostituzzjoni li kif kienet dakinnhar kienet teħtieġ 29 vot favur biex tkun emendata. (L-Ispeaker għalkemm ma kellux vot kien jgħodd bħala membru tal-Kamra. Għalhekk il-maġġoranza rikjesta għall-emendi Kostituzzjonali kienet ta’ nofs 56 li jigi 29. Illum l-Ispeaker m’għadux jingħadd!)

Ġorġ Borg Olivier  laqa’ lill-Kurunat Attard fil-PN. Ma qallux biex ikun leali lejn il-votant u jmur lura fil-Partit Demokratiku Nazzjonalista. Anke Dom Mintoff laqa’ lil Alfred Baldacchino: ma qallux ikun leali lejn il-votanti u jmur lura fil-PN!

Il-lealta’ kif definita fil-Parlament dejjem kienet waħda tal-lastku! Min iġebbed l-iżjed! Kif jaqbel fil-mument.

Il-lealta’ tal-Membru Parlamentari lejn dak li jemmen għandha twasslu biex isostni l-programm elettorali li hu intrabat miegħu waqt il-kampanja elettorali. Huwa dan l-għodda li bih il-Membru Parlamentari jgħarbel lill-Gvern fil-ħidma tiegħu fil-Parlament. Inkluż meta l-Kabinett innifsu jiddevja mill-programm elettorali jew ifittex li jagħmel affarijiet li jkunu inaccettabbli.

Il-Membru Parlamentari huwa obbligat li japoġġa l-programm politiku tal-Partit li f’ismu ġie elett imma għandu ukoll l-obbligu li ma jkunx servili. Il-lealta’ tiegħu m’hiex inkondizzjonata. Irid jimxi m’għajnejh miftuħin beraħ, b’leħen kritiku.

F’dan il-kuntest il-vot ta’ sfiduċja hu miżura estrema li jkun ġustifikat li jintuża biss jekk il-bibien jingħalqu u ma jħallux lill-Membru Parlamentari jagħmel xogħolu.

(darba oħra 3: Il-ġarra ġejja w sejra)

One comment on “Lenti fuq ir-rewwixta : 2) Lealta’ tal-lastku

  1. Wara li jirreferi ghal zewg kazi specifiki ta’ membri parlamentari li, fil-passat hassew il-bzonn li ”jaqsmu l-kamra” – dak ta’ Kurunat Attard u Alfred Baldacchino Perit Cacopardo itemm l-articklu hekk:
    ”Il-Membru Parlamentari huwa obbligat li japoġġa l-programm politiku tal-Partit li f’ismu ġie elett imma għandu ukoll l-obbligu li ma jkunx servili. Il-lealta’ tiegħu m’hiex inkondizzjonata. Irid jimxi m’għajnejh miftuħin beraħ, b’leħen kritiku.
    F’dan il-kuntest il-vot ta’ sfiduċja hu miżura estrema li jkun ġustifikat li jintuża biss jekk il-bibien jingħalqu u ma jħallux lill-Membru Parlamentari jagħmel xogħolu.”
    Jien tal-fehma li ghandna wisq membri parlamentari li jistghu jitghallmu rigward dan. Ftit huma dawk li lesti jikkritikaw lill-Partit – ghalihom dan huwa sagrosant. Ghalhekk l-interess nazzjonali – u tal-votanti – jigu hafna wara l-interess politiku tal-Partit. Sitwazjoni tal-biki!
    Hadd ma jista’ jghid li lil Franco Debono ma ghalqulhux il-bieb f’wiccu meta insista li kellhom isiru riformi essenzjali. Huwa issa li qeghdin izeghlu bih!

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s