Austin taħt il-lenti (1)

(1) Il-konsulenti u l-Ministru

 Id-dibattitu li għaddej preżentement dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku huwa ta’ importanza. Ir-riforma ilha żmien twil tinħass neċessarja imma kull min ipprova qata’ qalbu.

 Beda Michael Frendo f’nofs is-snin disgħin meta kien Ministru tat-Trasport. Tiftakruh jgħidilna li b’tal-linja jaqbillek?

Komplejna bil-bdil tal-karozzi tal-linja, low floor, biex ikunu iktar aċċessibli. Intefqu l-miljuni (mit-taxxi s’intendi).

Ġew u marru diversi Ministri. Wara Michael Frendo kellna lil Joe Debono Grech, Ċensu Galea u Jesmond Mugliette. Issa għandna lill-Austin Gatt.

Huwa ċar li n-nuqqas ta’ azzjoni għal snin twal mhux biss għamlet kull riforma diffiċli iżda fuq kollox kif kien jidher tul is-snin l-operaturi dan kienu jafuh u bħala riżultat rabbew l-arja. Tant rabbew arja li ma tagħti tort lil ħadd li kien jaħseb li l-unika soluzzjoni għat-trasport pubbliku kienet dik tal-bulldowzer. Li jkaxkar kollox u lill-kulħadd.

Iż-żoni l-ġodda li sviluppaw mis-snin 50 lil hawn ftit li xejn kienu moqdijin bit-trasport pubbliku. Tal-linja kienu fil-parti l-kbira mhux miżmuma sewwa. Numru ta’ xufiera ma kellhomx manjieri addattati.

Imma kien hemm ukoll affarijiet oħra, tajbin, li kien meħtieġ li jinżammu.

Il-bidla kellha tkun waħda li filwaqt li tagħżel operatur kapaċi li jidħol għall-ħidma immedjatament, fl-istess ħin iżda tibdel is-sistema ftit ftit. Il-bidla fi ftit kliem kellha tkun bulldowzer fil-konfront tal-operatur iżda waħda gradwali fil-konfront tal-konsumatur. Mhux faċli. Iżda għalhekk jintużaw it-taxxi biex jitħallsu l-konsulenti. L-affarijiet il-faċli jsiru waħedhom, jew jagħmluhom il-Ministri!

(ikompli għada : (2) Il-bulldozer jagħmel il-ħsara)