Gwardjan għal Ġenerazzjonijiet Futuri

Il-Gvern għadu kif ippubblika abbozz ta’ liġi dwar l-iżvilupp sostenibbli imsejjaħ Att biex jintegra l-iżvilupp sostenibbli fil-ħidma tal-Gvern, biex titqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet u prattiċi ta’ żvilupp sostenibbli fis-soċjeta’ kif ukoll biex jippromwovi l-adozzjoni tal-istess.  Dan l-abbozz kien ippubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ nhar it-Tlieta 22 ta’ Novembru 2011.

Il-proposta originali dwar Gwardjan għal Ġenerazzjonijiet Futuri saret minn Malta fi żmien li kien Minisru tal-Affarijiet Baranin Guido de Marco. Din saret fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Rio de Janeiro f’Ġunju 1992.

Meta Mario de Marco Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli ddiskuta miegħi l-proposti li kien ser iressaq il-Gvern jiena għan-nom ta’AD issuġġerejtlu li kien il-waqt li jinħoloq il-Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri fil-Liġi Maltija biex dak li qed ngħidu lill-barranin li hu tajjeb għalihom napplikawh għalina.

Li  l-Gvern addotta l-proposta tiegħi, li jiena ppreżentajt għan-nom ta’ AD, hu ta’ sodisfazzjoni.  Avolja jiena kelli f’moħħi responsabiltajiet ftit differenti minn dak li qed ipproponi l-Gvern.

Pero’ hu f’waqtu li nirrikonoxxi li sar pass tajjeb. Li forsi jkun sviluppat iktar il-quddiem.

Il-Greċja …. fi ġlieda bejn Franza u l-Ġermanja

Il-Greċja qegħda f’nofs ġlieda bejn Franza u l-Ġermanja minħabba s-suq tal-armamenti!

 F’artiklu f’Der Spegel International intitolat : France to sell Frigates to Greece in Controversial Deal  jingħataw id-dettalji ta’ ftehim dwar bejgħ ta’ vapuri tal-gwerra minn Franza lill-Greċja. Dan il-bejgħ ser isir bi skont sostanzjali inkluż sospensjoni tal-pagamenti għal 5 snin minħabba l-qagħda finanzjara tal-Greċja. Il-vapuri tal-gwerra inbnew mill-kumpanija statali Franċiża DCNS.

 Dawn il-vapuri tal-gwerra jiswew $412 miljun il-wieħed.

 Hekku Franza solidali mal-Greċja !

Wara Austin : Franco taħt il-lenti

L-argumenti li ġieb Franco Debono fil-Parlament dwar ir-riforma tas-sistema tat-trasport pubbliku kienu jwasslu lejn konklużjoni waħda u ċara. Li l-Ministru responsabbli mit-Trasport kellu responsabbita’ politika xi jġorr. Il-loġika ta’ Franco kienet twassal għal konklużjoni waħda : li jekk il-Ministru m’huwiex lest li jirreżenja għandu jkun sfurzat li jagħmel dan bl-approvazzjoni ta’ mozzjoni ta’ sfiduċja.

Meta Franco Debono għażel illi jastjeni kien qed jgħid li għalkemm kien konvint li Austin Gatt kellu jwarrab, ma kellux il-kuraġġ li jagħti d-daqqa finali biex jivvota favur il-mozzjoni ta’ sfiduċja. Veru dak li qal Franco fuq Dissett il-bieraħ li hu mar oltre dak li għamel ħaddieħor. Imma dak li għamel (jiġifieri li astjena) ma jikkorrispondix mal-kliem iebes li qal – ħafna minnu (pero’ mhux kollu) ġustifikat.

Punt żgħir fuq dak li qal : li x-Xandir illum hu agħar mit-tmeninijiet. Għalkemm naħseb li l-PBS hu l-bogħod milli jkun aċettabbli, li tqabblu mat-tmeninijiet ifisser li m’għandekx idea ta’ x’kien hawn fis-snin 80.

L-aħħar punt tiegħi hu dwar li l-inġieba ta’ Franco tmur kontra dak mistenni minnu fil-kariga tiegħu ta’ Assistent Parlamentari.  

Franco ġustament irrefera għar-rewwixta ta’ membri Parlamentari Konservattivi reċentement fil-House of Commons fi tmiem dibattitu dwar l-Unjoni Ewropeja. Li ma qalx Franco kien li bħala riżultat ta’ dik ir-rewwixta żewg Parliamentary Private Secretaries (l-ekwivalenti tal-Assistent Parlamenari fil-Parlament Malti) spiċċaw mill-ħatra. Wieħed irreżenja u l-ieħor tkeċċa mill-Prim Ministru Ingliż David Cameron. Jekk irid jinforma ruħu jista’ jaqra l-gazzetti Ingliżi fosthom l-artiklu fil-Guardian tal-25 t’Ottubru 2011 intitolat : David Cameron rocked by record ribellion as Europe splits Tories again.

L-irġulija u l-konsistenza Franco m’għandux jitlobhom biss mingħand Austin Gatt – li naqas – iżda għandu jkun hu l-ewwel li jipprattikhom.

Austin taħt il-lenti (4)

 

(4)  Wara l-vot fil-Parlament

Wara diskussjoni maratona ta’ ħdax-il siegħa il-bieraħ fil-Parlament tajjeb li nirriflettu ftit fuq dak li ġara.

Il-kritika fil-beraħ bejn membri tal-istess partit hi leċta? Li hu żgur hu li hi rari f’dan il-pajjiż u għaldaqstant min jagħmilha ħafna drabi jħarsu lejħ bl-ikrah.

Il-kritika kostruttiva fil-Parlament hi nieqsa. Hemm bżonnha iktar spiss. Sfortunatament hi interpretata bħala sinjal ta’ djgħufija. Fir-realta’ jekk issir sew u mod regolari issaħħaħ lil min jagħmilha. Issaħħah ukoll lil dawk li lejhom tkun indirizzata għax għandha l-potenzjal li ssaffi l-istitutzzjonijiet.

Il-kontribut li taw fil-Parlament matul din il-leġislatura Membri Parlamentari bħal Franco Debono, Jeffrey Pullicino Orlando, Jean Pierre Farrugia u Jesmond Mugliette hu imprezabbli li kieku l-Partit Nazzjonalista kapaċi jitgħallem minn din l-esperjenza. Imma sfortunatament m’huwiex kapaċi jitgħallem u dan kif jixhdu d-deċizjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN kemm dwar id-divorzju kif ukoll iktar kmieni din il-ġimgħa dwar il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Austin Gatt.

Il-Parlament, sfortunatament rari ħafna jgħarbel bis-serjeta’ l-ħidma tal-Gvern. Per konsegwenza l-kontabilita’ tal-Gvern lejn il-Parlament m’hemmx min jesiġi li sseħħ. Dan jista’ jinbidel jekk l-ispazju li qed ifittxu l-membri parlamentari li semmejt iktar il-fuq jitħallew jokkupawh.

Hekk biss il-Parlament ikun jista’ jaqdi l-funzjoni vera tiegħu.  

Austin taħt il-lenti (3)

(3)  Ir-responsabbilta’ politika

Hu ċar li r-riforma tat-trasport pubbliku s’issa għad ma rnexxietx. Għax min kien inkarigat mir-riforma għaffiġha. 

Min hu responabbli?

L-assistent tal-Ministru? Dan offra r-riżenja. Il-Ministru ma aċċettax li Manwel Delia  jirreżenja avolja dan kien ilu jippoppa sidru u jiftaħar bir-riforma li ser issolvi kollox. Meta kien ċar li għaffiġha sparixxa għal xi jiem.

Qed jingħad li fil-bidu t’Ottubru Austin Gatt offra r-riżenja waqt laqgħa tal-Kabinett. Iżda l-Prim Ministru ma aċċettax.

Avolja Austin kien ilu jiftaħar li issa daqshekk ċajt. Iċ-ċajta sadanittant tkompli!

Issa għandna waħda aħjar. Austin Gatt qed jgħidilna li qed jassumi r-responsabbilta’ politika. Qed jingħad li ser jagħmel xi forma ta’ apoloġja fil-Parlament. U mbagħad?

Xi tfisser ir-responsabbilta’ politika? Li tieħu żball, tiskuża ruħek u tibqa’ għaddej, qiesu ma ġara xejn?

Safejn naf jien fil-ħajja pubblika jekk tieħu dawn it-tip ta’ żbalji, wara li tiskuża ruħek, tippakkja u tirreżenja.

Imma f’dan il-pajjiż il-politiku li jiżbalja jibqa’ hemm.

Ministru wieħed biss naf f’Malta li rreżenja wara li ħa żball. Kien in-Nutar Charles Mangion, li minkejja li l-iżball tiegħu sar minħabba li ma nagħtax l-informazzjoni korretta, xorta mexa ta’ raġel u rrezenja, għax id-deċiżjoni kien hu li ħadha. 

M’għandix dubju li Austin Gatt fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku m’huwiex ser jagħmel bħal Charles Mangion. Min jaf  forsi r-riżenja ser iħalliha għal meta tibda d-diskussjoni pubblika dwar Smart City. Li hemm ukoll falla u minn proġett intenzjonat għall-ħolqien tal-impiegi fl-IT spiċċa bi proġett tar-Real Estate. Imma dik storja oħra.

(ikompli għada : (4)  wara l-vot fil-Parlament)

Austin taħt il-lenti (2)

(2) Il-bulldozer jagħmel il-ħsara

 

Minflok ma wettaq bidla gradwali fit-trasport pubbliku, l-Ministru tat-Trasport baqa’ għaddej bħal bulldozer minn fuq kollox u minn fuq kulħadd. Ma iddistingwiex bejn dak li kien meħtieġ li jinżamm u dak li ried jispiċċa immedjatament. Fil-perjodu inizzjali ma ra l-ebda valur illi kien hemm numru ta’ elementi mis-sistema l-qadima li kellhom jibqgħu, ta’ l-inqas għall-bidu.

Fost dawn ir-rotot li kien hemm.

Inħoloq rebus billi r-rotot ġew diżinjati mill-ġdid.  Biex issa wara 4 xhur il-Ministru Austin Gatt reġa’ lura għar-rotot oriġinali. Ir-rotot li riedu in-nies u li tneħħew kontra l-volonta’ tagħhom ġew lura. Din hi l-ikbar ammissjoni li l-mod kif ġiet implimentata r-riforma kien falla. Għax il-bulldozer ġie jaqa’ u jqum u kisser kollox.

Kienet meħtieġa li ssir riforma. L-oġġettiv tagħha kien servizz aħjar li jagħmel l-inqas ħsara ambjentali possibli. Is-servizz aħjar kien ifisser ukoll rotot ġodda u xi tibdil f’rotot eżistenti. Imma ma kienx hemm il-ħtieġa li jsir kollox f’daqqa.

In-nuqqas ta’ qbil m’huwiex mal-oġġettivi tar-riforma iżda mal-fatt li flok ma din bdiet tiġi implimentata b’mod gradwali daħlet fis-seħħ f’daqqa.

Il-mod kif ġiet implimentata r-riforma serviet biex flok ma iktar nies qed jużaw it-trasport  pubbliku għandna iktar karozzi fit-triq b’żieda fenomenali fit-traffiku fl-iktar ħinijiet li diġa kien diffiċli ħafna biex tgħaddi mit-triqat tagħna.

Il-konsegwenza hi li b’rotot itwal u li allura jieħdu iktar ħin u b’iktar traffiku fit-toroq kulħadd beda jasal tard, għax-xogħol jew għall-iskola. Waqt li Michael Frendo kien qalilna li b’tal-linja jaqbillek, Austin Gatt ikkonvinċa lil kulħadd li b’tal-linja ma jaqbillekx.

Dan hu ħażin għax transport pubbliku efficjenti għandu jwassal biex jonqsu l-karozzi mit-toroq għax idejalment iżjed nies jagħmlu użu minn tal-linja.

L-effett ta’ inqas karozzi fit-toroq hi arja iktar nadifa għal kulħadd. Effett li għad baqa’ ftit biex ingawduh.

(ikompli għada : (3)  ir-responsabbilta’ politika)

Austin taħt il-lenti (1)

(1) Il-konsulenti u l-Ministru

 Id-dibattitu li għaddej preżentement dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku huwa ta’ importanza. Ir-riforma ilha żmien twil tinħass neċessarja imma kull min ipprova qata’ qalbu.

 Beda Michael Frendo f’nofs is-snin disgħin meta kien Ministru tat-Trasport. Tiftakruh jgħidilna li b’tal-linja jaqbillek?

Komplejna bil-bdil tal-karozzi tal-linja, low floor, biex ikunu iktar aċċessibli. Intefqu l-miljuni (mit-taxxi s’intendi).

Ġew u marru diversi Ministri. Wara Michael Frendo kellna lil Joe Debono Grech, Ċensu Galea u Jesmond Mugliette. Issa għandna lill-Austin Gatt.

Huwa ċar li n-nuqqas ta’ azzjoni għal snin twal mhux biss għamlet kull riforma diffiċli iżda fuq kollox kif kien jidher tul is-snin l-operaturi dan kienu jafuh u bħala riżultat rabbew l-arja. Tant rabbew arja li ma tagħti tort lil ħadd li kien jaħseb li l-unika soluzzjoni għat-trasport pubbliku kienet dik tal-bulldowzer. Li jkaxkar kollox u lill-kulħadd.

Iż-żoni l-ġodda li sviluppaw mis-snin 50 lil hawn ftit li xejn kienu moqdijin bit-trasport pubbliku. Tal-linja kienu fil-parti l-kbira mhux miżmuma sewwa. Numru ta’ xufiera ma kellhomx manjieri addattati.

Imma kien hemm ukoll affarijiet oħra, tajbin, li kien meħtieġ li jinżammu.

Il-bidla kellha tkun waħda li filwaqt li tagħżel operatur kapaċi li jidħol għall-ħidma immedjatament, fl-istess ħin iżda tibdel is-sistema ftit ftit. Il-bidla fi ftit kliem kellha tkun bulldowzer fil-konfront tal-operatur iżda waħda gradwali fil-konfront tal-konsumatur. Mhux faċli. Iżda għalhekk jintużaw it-taxxi biex jitħallsu l-konsulenti. L-affarijiet il-faċli jsiru waħedhom, jew jagħmluhom il-Ministri!

(ikompli għada : (2) Il-bulldozer jagħmel il-ħsara)