Il-kampanja referendarja favur id-divorzju kellha l-appoġġ ta’ persuni ta’ kull kulur politiku.
Għalkemm Alternattiva Demokratika kienet l-uniku partit politiku illi esprima ruħu bla riżervi favur l-introduzzoni tad-divorzju sa mill-1989, irid ikun rikonoxxut li l-Partit Laburista kien kważi hemm ukoll. Il-Labour kien f’posizzjoni skomda għax bħala partit ta’ massa ma riedx igerrex lil dawk li jappoġġawh iżda ma jaqblux mad-divorzju. F’dan is-sens id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kap tal-Opposizzjoni favur id-divorzju rinfurzati minn dikjarazzjonjiet simili mingħand diversi membri parlamentari laburisti għenu mhux ftit biex l-IVA jirbaħ ir-referendum.
Minkejja li l-PN iddikjara ruħu kontra d-divorzju, numru kbir ta’ partitarji nazzjonalisti injoraw dan il-fatt u għamlu ta’ rashom: appoġġaw l-IVA u ftaħru fil-pubbliku li għamlu dan. Speċi ta’ ħassew sodisfazzjon mhux biss li kienu qed jivvutaw favur id-divorzju talli fuq kollox kienu qed jagħtu daqqa ta’ sieq lill-element konfessjonali fil-PN.
Il-moviment favur l-IVA twieled f’dan is-sens ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni bejn persuni ta’ fehmiet politiċi differenti iżda bi skop identiku. L-identifikazzjoni flimkien ta’ Evarist Bartolo mill-Partit Laburista, Jeffrey Pullicino Orlando mill-PN flimkien ma’ Michael Briguglio uYvonne Arqueros Ebejer minn AD kienet okkazzjoni ftit rari f’dan il-pajjiż. L-eliminazzjoni tal-fruntieri li jifirdu fil-bidu nett tal-kampanja referendarja kien messaġġ li rari nisimgħu fil-politika Maltija.
Huwa eżempju prattiku ta’ kif tista’ issir il-ħidma politika. Dak li huwa rari f’Malta f’pajjżi oħra jiġri iktar spiss għax jeżistu konverġenzi fuq diversi materji. B’sens ta’ rieda tajba m’għandi l-ebda dubju li hu possibli li jinħolqu ħafna iżjed opportunitajiet ta’ kif flimkien kollox huwa possibli.