Ir-referendum dwar id-divorzju : Riflessjonijiet (2) għall-kwiet fil-Messiku

llpup iebsin ta’ nagħaġ. Briganti. Hekk qalilna l-Isqof t’Għawdex lilna lkoll, il-Kattoliċi favur id-divorzju. Diskors li impressjona ħafna lill-merħla tiegħu li  68% minnha qablet miegħu. Imma l-bqija tal-pajjiż irvella għal dawn l-insulti. Għax mhux kulħadd nagħġa. Kollha għandna moħħ u l-parti l-kbira minna kapaċi nagħmlu użu minnu.  

X’jiswa li fl-aħħar minuti tal-kampanja referendarja tintalab apoloġija jew biex nuża kliem l-Arċisqof Cremona “infittxu r-rikonċiljazzjoni” jekk hu ċar li m’hemmx l-iċken intenzjoni li wieħed jirrimedja? Għax issa l-Isqof t’Għawdex ġie rappurtat li qal waqt pontifikal fil-Munxar li m’għandu l-ebda dispjaċir, u jekk meħtieġ jirrepeti dak li għamel u qal.  

Sfortunatament l-Isqof t’Għawdex jittratta lill-fidili ta’ nagħaġ mhux ta’ bnedmin li jafu jaħsbu u jixtarru. Nissuġġerilu li joqgħod ftit fis-skiet kif kien tal-parir Dun René Camilleri:  biex forsi fis-skiet u l-ġabra jagħraf ftit dak li s’issa għadu ma indunax bih. Imbagħad forsi jaħsibha xi ftit differenti. Jista’ jkun li  għandu bżonn ftit riflessjoni fil-kwiet bħal dik li ntbagħat jagħmel Patri Mark Montebello ġewwa l-Messiku.