Id-Divorzju : ħawwadni forsi nifhem (1)

(1) Il-Mandat 

Kemm il-Partit Nazzjonalista (PN)  kif ukoll il-Partit Laburista (PL) qed jgħidu li m’għandhomx mandat elettorali minħabba li l-progamm elettorali tagħhom ma jagħmel l-ebda riferenza għad-divorzju. Alternattiva Demokratika (AD) hi l-uniku partit politiku f’Malta li dejjem kellu posizzjoni ċara favur id-divorzju u dan sa mill-1989 meta twaqqaf il-partit.

Dan in-nuqqas ta’ mandat hi l-iskuża għas-sens ta’ indeċiżjoni li presentement tirrenja fost il-Membri Parlamentari.

Li kieku kellna naraw x’deċiżjonjiet ħa l-Parlament tul is-snin insibu kwantita’ kbira ta’ materji li dwarhom ma kien hemm l-ebda referenza fil-programm elettorali. Allura dan ifisser li imxew ħażin? Żgur li le għax id-dover tal-Membru Parlamentari jmur lil hinn mill-programm elettorali. Se mai l-iżball hu tal-Partiti li ħallew barra issues bħad-divorzju mill-programm elettorali. Id-divorzju m’hiex materja li tfaċċat fuq l-agenda politika illum. Ilha magħna snin iżda kemm il-PN kif ukoll il-PL beżgħu jiffaċċjawha.

Li qed jiġri illum għaldaqstant hu li kemm il-PN kif ukoll il-PL iridu jiffaċċjaw ir-realta li ilhom jaħarbu minnha is-snin.