Nhar is-Sibt kien ta’pjaċir għalija li nindirizza l-laqgha plenarja tal-Kunsilliera Lokali li tkun organizzata kull sena mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Din is-sena din il-laqgħa saret fil-Lukanda Corinthia ġewwa Ħ’Attard.
Osservajt illi fid-dokument konsultattiv tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-adattament għall-Impatti tal-Klima l-Kunsilli Lokali la jissemmew u l-anqas jidher li hemm rwol maħsub għalihom.
Meta nqiesu illi uħud mill-impatti tal-klima jolqtu direttament lill-lokalitajiet dan jistona. Ġibt l-eżempju tal-kapaċita tal-infrastruttura tat-toroq tagħna li tilqa’ għal bidla fl-intensita’ u l-frekwenza tax-xita. Xi ħaġa li naraw b’għajnejna ta’ spiss, kull meta jkollna maltempata mhux tas-soltu kif kellna reċentement.
Għad hawn awtoritajiet u kummissjonijiet maħtura mill-Gvern li m’humiex konxji biżżejjed tar-rwol importanti li għandhom il-Kunsilli Lokali. Din il-Kummissjoni dwar il-Klima hi waħda minnhom.
F’Birżebbuġa per eżempju kellu jkun l-intervent tas-Segretarju Parlmentari Chris Said biex il-MEPA tieqaf min-negozjati li kienet għaddejja mal-Port Ħieles dwar il-kundizzjonijiet ta’ permess ambjentali. Dan sar minħabba li dawn in-negozjati kienu għaddejjin mingħajr l-involviment tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Issa li l-Kunsill ġie involut in-negozjati bdew mill-ġdid u qed jiġu ndirizzati issues li qabel mhux neċessarjament li kienu qed jitqiesu bl-istess profondita’.
Hemm iżda eżempji oħra li jixhdu illi mhux il-Kunsilli Lokali kollha huma impenjati bl-istess mod.
Meta l–MEPA ħarget il-permess għall-inċineratur tal-biċċerija il-Kunsilli Lokali tal-Marsa u r-Raħal Ġdid ġew mogħtija id-dritt li a spejjes tal-Wasteserve jistabilixxu sistema alternattva għall-monitoraġġ tal-arja fl-inħawi, kif ukoll d-dritt l jqabbdu espert li jgħinhom biex jifhmu l-informazzjoni li tkun ippubblikata dwar l-emissjonijiet. Il-parti relevanti tal-permess fil-fatt tgħid hekk :
” 1.3.2 Public access to emission data (most recent half hour average values and daily average values plus results from the most recent discontinuous measurements) shall be enabled via Internet.
1.3.3 The Marsa and Paola Local Councils may, jointly and in agreement with MEPA, establish an independent ambient air monitoring system covering particulate matter, nitrogen oxides and sulphur oxides, as well as any other parameters that may be agreed with MEPA, at the expense of the permit holder.
1.3.4 The Marsa and Paola Local Councils may, in agreement with MEPA, jointly appoint an independent expert to assist in the interpretation of the emission data made publicly available pursuant to condition 1.3.2.”
Huwa ċar mill-kritika li ssir għall-operazzjoni ta’ dan l-inċineratur illi dawn iż-żewġ Kunsilli Lokali għadhom m’humiex konxji minn dan id-dritt li għandhom u s’issa jidher li m’għamlux użu minnu.
Jidher illi hemm bżonn illi l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali tgħin lil dawn il-Kunsilli Lokali u oħrajn bħalhom biex jiżviluppaw il-kapaċita tagħhom biex ikunu jistgħu jkunu ta’ servizz aħjar.
Well done. Keep on enlightening us, citizens and authorities, raising awareness of environmental issues for a better future. Thank you for your efforts.