Delimara għall-Kabinett

Sirna nafu illi l-Ministru tal-Ambjent (jiġifieri Lawrence Gonzi) iddeċieda illi l-appell li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk ippreżenta dwar il-permess li jikkonċerna l-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara għandu jkun deċiż mill-Kabinett u mhux mill-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar.

Din m’hiex proċedura komuni u ftit li xejn ġiet użata fil-passat.

Sal-lum hi proċedura regolata mill-artiklu 15A tal-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp li ġie introdott  9 snin ilu permezz tal-Att XXI tal-2001 bl-emendi li kien introduċa George Pullicino, dakinhar Segretarju Parlamentari responsabli mill-Awtorita’ tal-Ippjanar (l-ambjent kien għandu ma żdiedx mar-responsabbiltajiet tagħha).

Din il-proċedura tagħti d-dritt lill-Gvern li jirreferi appell għal deċiżjoni mill-Kabinett wara li l-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar ikun ġabar il-provi w iffinaliza rakkomandazzjoni dwar il-kaz meta :

1)      l-applikant ikun Dipartiment tal-Gvern jew korp imwaqqaf b’liġi u

2)      l-applikazzjoni kollha sinifikat strateġiku, jkollha x’taqsam mas-sigurta’ nazzjonali, teffettwa l-interessi ta’ xi Gvernijiet oħra jew tirrikjedi studju tal-impatt ambjentali.

Din il-proċedura fiha innifisha ma fiha xejn ħażin u naħseb li teżisti f’diversi pajjiżi oħra ukoll. Id-diffikulta m’hiex għalhekk fid-dover tal-Kabinett li jieħu deċiżjoni imma l-fatt li f’Malta l-Gvern sa l-istadju tal-appell diġa huwa mdaħħal sa għonqu fid-deċiżjoni.

Kif ?  forsi jistaqsu uħud.

Il-membri kollha tal-Bord tal-MEPA li ddeċidew il-każ huma kollha appuntati mill-Gvern. L-ebda wieħed minnhom ma kien kritiku la ta’ din l-applikazzjoni u l-anqas ta’ kwalunkwe’ applikazzjoni oħra li ssottometta l-Gvern jew xi entita’ oħra tiegħu. B‘żieda ma dan, il-każ kien wieħed ikkargat b’deċiżjonijiet politiċi li dwarhom mhux dejjem kien hemm spjegazzjoni li tikkonvinċi. L-iktar importanti fosthom it-tibdil fir-regolamenti dwar x’tip ta’ emissjonijiet huma permissibli. Żid l-involviment tal-Lehmayer International bħala konsulenti tal-Enemalta minkejja li l-Bank Dinji poġġihom fuq il-Black List minħabba korruzzjoni ippruvata.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-proċedura użata għalkemm skond il-liġi tista’ tkun inġusta.

Nawgura lill-Kunsill ta’ Marsaxlokk li appella mid-deċiżjoni tal-estensjoni tal-Power Station f’Delimara illi jsib soluzzjoni li biha jkun jista’ jsemma’ leħnu b’mod effettiv.