Bejn divorzju u bews ta’ idejn l-Arċisqof

Ir-referendum hu għodda demokratika li iżda jekk tintuża ħażin iktar jagħmel ħsara milli ġid.

Kemm il-Gvern kif ukoll l-Opposizzjoni s’issa kienu ambigwi dwar il-proposta għall-introduzzjoni ta’ divorzju ta’ JPO.

Il-PN permezz ta’ Lawrence Gonzi (u numru ta’ Ministri) qal repetutament li hu ma jaqbilx mad-divorzju, għax dan imur kontra dak li hu jemmen kif ukoll kontra dak li l-PN jirrappreżenta.

Imma ngħid jien jekk hu kontra d-divorzju xi skop għandu r-referendum għall-PN?  Għax jekk ma jaqbilx mad-divorzju u l-konklużjoni tar-referendum tkun favur x’ser jagħmel?  Jibla kliemu għax jippreferi l-poter minn dak li ddefinixxa bħala l-valuri tiegħu u tal-Partit  jew ibaxxi rasu jibqa’ konsistenti u jwarrab? Il-loghob bil-kliem qed inissel ħafna dubji dwar x’jista’ jsir fl-għażla bejn valuri u poter.  Dan hu l-veru kuntrast ippjanat bejn dak li qed jgħidu JPO u Gonzi dwar ir-referendum u d-diskussjoni fil-Parlament.

Il-posizzjoni ta’ Joseph Muscat imbagħad hi gwappa daqs dik ta’ Lawrence Gonzi. Jemmen li d-divorzju hu dritt ċivili. Imma fl-istess ħin qed joqgħod lura milli jwassal lill-Partit tiegħu illi jaddotta posizzjoni favur id-divorzju. Filwaqt li jemmen li hu dritt ċivili lest li jħalli dan id-dritt jiġi mċaħħad permezz ta’ referendum.

Ir-realta’ hi li l-PN u l-PL qed jistaħbew wara r-referendum għax huma inċerti mill-gruppi parlamentari tagħhom.

Il-grupp fil-PN li hu favur id-divorzju qed jara fir-referendum il-possibilta’ li jġib lil Gonzi għarkubtejh. Dan għax b’vot favur id-divorzju il-PN ikollu jagħżel bejn il-poter u li jxellef “il-valuri” tiegħu.

Muscat qiegħed ukoll f’salib it-toroq. Il-bews li Muscat jirriżerva għal idejn l-Arċisqof  jikkuntrasta ma l-mod kif imxew mal-Knisja l-predeċessuri tiegħu. Imma issa bid-divorzju storja oħra: lil hinn mis-sinifikat tal-bews.

Muscat ma jridx deċiżjoni issa iżda wara l-elezzjoni meta jkun laħaq immansa lil dawk li għandu fil-grupp parlamentari li huma kontra d-divorzju. Inkella forsi jkun ħeles minnhom.

X’ser jiġri ma nafx. Bħalma la jaf Muscat u l-anqas Gonzi. L-aqwa li jridu li jiddeċiedi l-poplu biex ikollhom paraventu wara min jistaħbew.

L-aqwa imma li jibqa’ jbus idejn l-Arċisqof .