Dalgħodu ħadt sehem fil-Workshop dwar il-Pjan Nazzjonali għall-Ambjent. Dawn huma uħud r-riflessjonijiet tiegħi.
Li nitkellmu dwar il-politika ambjentali hu pass tajjeb. Id-diskussjoni iżda biex tkun ta’ kontribut posittiv trid tkun waħda onesta. Trid tirrispetta lil kull min ta’ ħinu u saħħtu fis-snin passati f’ħidma favur l-ambjent.
Tajjeb li neżaminaw l–analiżi dwar il-Public Attitudes Survey 2008 li d-ditta Ernest & Young (2010) ħejjiet fuq inkarigu tal-MEPA. Minn dan jirriżulta illi 69% ta’ dawk li wieġbu huma tal-fehma li l-ambjent huwa importanti daqs l-ekonomija filwaqt li 23% jidhrilhom illi l-ambjent huwa iktar imporanti mill-ekonomija. 8% biss għadhom tal-fehma tas-supremazija tal-ekonomija fuq l-ambjent.
Huwa b’sodisazzjoni li nosserva din l-attitudni ġdida. Attitudni li ilha tinħass tiżviluppa bil-mod il-mod. Hi riżultat tal-ħidma ta’ dawk kollha illi għal snin sħaħ ħadmu kontra l-kurrent b’bosta minnhom ikunu deskritti bħala eko-fundamentalisti.
Fid-dawl ta’ dan huwa iktar importanti li d-diskussjoni tal-lum tkun ċara u onesta. L-Issues Paper li għandna quddiemna tistaqsi ħafna mistoqsijiet. Imma sfortunatament għażlet illi tinjora l-fatt li ħafna mit-tweġibiet diġa ngħataw. Dawn qegħdin fl-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli approvata mill-Kabinett tal-Ministri lejn tmiem l-2007 wara proċess twil ta’ diskussjoni mas-soċjeta’ ċivili.
Mhux ser nidħol fid-dettal għax il-ħin ma jippermettix. Ser nillimita ruħi għal eżempju wieħed: dwar it-tassazzjoni ambjentali.
L-Issues Paper f’paġna 12 tistaqsina dwar x’naħsbu fuq sistema li tintaxxa t-tniġġiz flok ix-xogħol. Kumbinazzjoni fid-dokument ta’ qabel il-budget imniedi mill-Ministru tal-Finanzi fl-istess jum tal-Issues Paper qed jiġi propost (f’paġna 136) ezerċizzju ta’ “tax shifting”. Jgħid li qed jikkonsidra d-dħul ta’ “carbon tax” u li hi l-intenzjoni li din tissostitwixxi taxxi oħra konnessi max-xogħol.
La l-Issues Paper u l-anqas id-dokument dwar il-budget ma jagħmlu l-iċken referenza għall-istrateġija nazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli li diġa bil-kunsens tas-soċjeta’ ċivili u tal-Kabinett stabiliet fil-proposta 17 tagħha illi sal-2008 kellha titfassal strateġija dettaljata dwar l-użu ta’ strumenti ekonomiċi biex jippromwovu l-iżvilupp sostenibli f’Malta. L-2008 ilu li ġie u mar u flok strateġija dettaljata għandna iktar mistoqijiet. Din mhux serjeta’. Flok iktar mistoqsijiet kellu jkollna analiżi tat-taxxi ambjentali li ġja għandna fil-pajjiż u jekk dawn laħqux l-iskop li għalih saru. X’tgħallimna mill-eżerċizzju tal-eko-kontribuzzjoni? Tgħallimna li :
l-ewwel : li taxxi ambjentali għandhom jintużaw għal skopijiet ambjentali u mhux għal skopijiet fiskali,
it-tieni : ir-responsabbilta’ politika għal sistema ta’ tassazzjoni ambjentali għandha tkun fdata f’idejn il-Ministeru għall-Ambjent u mhux f’idejn dak tal-Finanzi, biex b’hekk ikun iktar possibli li t-titjib fil-qasam ambjentali jkun l-oġġettiv ewlieni tagħhom,
it-tielet : li filwaqt li hemm bosta setturi li jistgħu jkunu soġġetti għal tassazzjoni ambjentali l-għażla tagħhom għandha issir bir-reqqa u wara studju tal-impatti kemm ambjentali kif ukoll soċjali.
F’dan il-kuntest irrid ngħid li mhux aċċettabbli li l-Gvern iħabbar illi qed jikkonsidra “carbon tax” mingħajr ma jinfurma lill-pubbliku dwar xi studji għamel mhux biss fuq kemm jista’ jdaħħal iżda ukoll dwar kif din ser teffettwa kemm il-kwalita’ tal-ħajja kif ukoll il-livell tal-għajxien tal-faxex differenti tas-soċjeta. Dan l-istudju, jekk sar, s’issa għadu ma rax id-dawl tax-xemx. Fil-fatt dalghodu jiena għamilt talba formali taħt il-provedimenti tal-Konvenzjoni ta’ Åarhus biex jekk jeżistu jiġu rilaxxjati l-istudji relattivi. Dawn huma l-affarijiet li jmissna niddiskutu.
M’huwiex iktar żmien li nlabalbu. Huwa żmien li dak li ġie imfassal jitwettaq. Wara li l-proċess ta’ diskussjoni li beda madwar 5 snin ilu kien wassal għal konkluzjoni fl-forma ta’ strateġija li tintegra l-ħidma ekonomika ma dik soċjali u ambjentali dan il-proċess ta’ diskussjoni tal-lum ser iwassal għal duplikazzjoni. F’pajjiż li kontinwament ġustament nilmentaw li la għandna riżorsi u l-anqas biżżejjed nies imħarrġa, l-inqas li konna nistennew huwa li naħlu l-ħin u riżorsi billi flok jitwettaq dak li ġie deċiz nerġgħu niftħu d-diskussjoni.
Nikkonkludi billi nħeġġiġkom biex tifhmu li l-aħjar triq il-quddiem hi illi nkunu kapaċi nintegraw l-isforzi tagħna. Dan hu dak li ppruvat tagħmel l-istrateġija nazzjonali dwar l-iżvilupp sostenibbli. Għandna nfittxu li nimxu f’dik it-triq billi nimplimentaw ir-rakkomandazzjonjiet tagħha. Forsi l-ewwel pass ikun li kif tistabilixxi l-istess Strateġija kull Ministeru jfassal pjan t’Azzjoni (avolja sentejn tard) biex iqiegħed fil-prattika dak li tipproponi l-istrateġja. B’hekk forsi tieqaf darba għal dejjem id-drawwa li żviluppat f’dan il-pajjiż illi r-rapporti u l-istrateġji iservu biss biex jitnisslu rapporti oħra. Nittama biss li mid-diskussjoni tal-lum nagħrfu nibnu fuq dak li sar mhux biss b’rispett lejn min iddedika ħinu għall-pajjiż iżda fuq kollox biex nużaw il-ftit riżorsi li għandna l-aħjar mod.
Imma l-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli jeħtieġ li tibda tiltaqa’ : ilha tlett snin wieqfa. Xhieda tal-impenn tal-Gvern favur l-Iżvilupp Sostenibbli.
Prosit tassew. Osservazzjonijiet utili u kien hemm bzonn ikunu segwiti ghal gid nazzjonali.