Bis-serjeta? Il-Politika Nazzjonali dwar l-Ambjent.

 

Il-Gvern permezz tas-Segretarju Parlamentari Mario Demarco għadu kif ta’ bidu għal proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Politika Nazzjonali għall-Ambjent.         L-ewwel fażi hi waħda ta’ konsultazzjoni dwar liema huma dawk il-materji li għandhom ikunu mistħarrġa u indirizzati.

Dan fih innifsu hu pass posittiv. Imma jekk tqiesu li ftit ilu (fl-2007/8) kien konkluż il-proċess li bih wara konsultazzjoni pubblika estensiva u fit-tul ġiet infassla l-Strateġija Nazzjonali dwar  is-Sostenibilita naħseb li malajr nifhmu li qed naħlu l-ħin niddiskutu biss. Xi kultant naħseb li din hi strateġija maħsuba biex jiġi iġġustifikat għaliex ftit li xejn qed isir.

Fl-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Sostenibilita  diġa, wara konsultazzjoni pubblika ġew identifikati l-materji li għandhom ikunu indirizzati. Għaldaqstant minflok ma nerġgħu niftħu d-diskussjoni beraħ li kien hemm bżonn issa kien li jiġu pprezentati l-proposti konkreti min-naħa tal-Gvern, jekk verament jemmen li għandu jindirizza l-materja.

Ir-riżorsi li għandu dan il-pajjiż huma limitati u għalhekk hu iktar għaqli li l-enerġija u r-riżorsi ma naħluhomx.

L-istrateġija nazzjonali dwar is-sostenibilita diġa’ tistabilixxi l-prijoritajiet ambjentali li għandhom ikunu segwiti u dan fil-kuntest tal-politika ekonomika u soċjali tal-pajjiż.

Għadaqstant il-pedamenti għall-istrateġija nazzjonali għall-ambjent qegħdin hemm. Dawn huma r-riżultat ta’ proċess wiesa’ u estensiv ta’ konsultazzjoni pubblika li ħa s-snin.

Din il-ħidma kollha ser tintrema ? Għax din hi l-konklużjoni loġika tal-emfasi li qed issir għall-konsultazzjoni mill-ġdid. Għax sentejn wara li spiċċa l-eserċizzju li wassal għall-istrateġija Nażżjonali dwar is-Sostenibilita ma terġax tibda mill-ġdid iżda tibni fuq dak li lestejt. Dejjem jekk trid li jeħduk bis-serjeta’.

Issa jiena ma nafx jekk il-Gvern iridx li neħduh bis-serjeta’ meta jitkellem dwar l-ambjent. Id-dubji li kelli qed jikbru!