________________________________________________________
Matul il-ġranet li ġejjin fil-Parlament se tibda d-diskussjoni dwar ir-riforma tal-MEPA.
Meta teżamina l-proposti li l-Gvern qiegħed jippreżenta biex jemenda l-liġi biex jagħti bidu għar-riforma tal-MEPA ssib li l-iktar affarijiet essenzjali huma neqsin. Dan ta’ bilfors iwassal għal mistoqsija, allura din x’riforma se tkun?
Jien dejjem sostnejt li għalkemm dejjem se jkun hemm x’tirranġa fil-MEPA, il-problema fundamentali mhumiex il-‘policies’ iżda min jinterpretahom. Jiġifieri kemm ikunu kapaċi jaqdu dmirhom il-membri li jinħatru fuq il-Bord u l-Kummissjonijiet tal-MEPA.
Għaġina
Mhux waħdi li smajt l-istejjer dwar x’ġara fil-passat, kemm riċenti kif ukoll imbiegħed. Ħafna minnhom huma pubbliċi. Uħud minnhom huma pruvabbli, oħrajn diffiċli ħafna li ssib il-provi dwarhom għax il-kobba mħabbla sew.
Il-punt dejjem hu jekk min jinħatar huwiex ta’ fibra. Sfortunatament dan mhux dejjem kien il-każ u għalhekk il-MEPA hi fl-istat li hi llum. Għax filwaqt li min inħatar mhux dejjem għaraf jirreżisti għall-pressjoni, sfortunatament kien hemm min inħatar apposta biex iservi ta’ ‘remote control’ għal ħaddieħor. F’dan il-każ il-kwalifika prinċipali tiegħu kienet li kien kapaċi jkun għaġina f’idejn ħaddieħor.
Il-funzjoni
X’inhi l-funzjoni tal-MEPA? Fil-fehma tiegħi l-MEPA għandha tkun il-garanti tal-komunità kollha li l-oqsma li għalihom hi responsabbli jitmexxew sew. Sfortunatament bosta drabi l-MEPA dehret kompliċi biex ikun hemm min tgħaddi tiegħu minkejja kollox. Il-messaġġ li ħareġ kien wieħed ċar ħafna, li minkejja l-formalitajiet u r-regoli kollha, id-deċiżjonijiet il-kbar u l-iktar iebsin, diversi drabi kellhom tiċpisa partiġġjana. Jiġifieri iktar minn deċiżjonijiet li dwarhom kien hemm ġustifikazzjoni teknika ambjentali u ta’ ppjanar fl-użu tal-art, fejn kien hemm ġbid lejn il-politika tal-Gvern tal-ġurnata.
Hu dan li r-riforma teħtieġ li tindirizza u dan fil-fatt qiegħed jiġi injorat apposta, bi ħsieb.
Rieda tajba
Il-ħatra tal-membri tal-Bord tal-MEPA hi ta’ importanza fundamentali fl-eżerċizzju kollu li qiegħed isir.
Għax anke jekk nikkonċedi rieda tajba fil-proċess kollu tar-riforma, jekk din ir-rieda tajba tissarrafx jew le, se jiddependi minn bnedmin tad-demm u l-laħam li ma jkunux lesti li jitgħawġu. Kif se jsir dan?
Il-Parlament
Il-Bord tal-MEPA ma jistax jaħtar lilu nnifsu! Alternattiva Demokratika sa minn qabel l-elezzjoni tal-2008, kienet ipproponiet li l-Parlament għandu jkollu rwol ikbar fil-mod kif jintgħażlu n-nies li jmexxu l-MEPA. Il-Parlament għandu jiżviluppa rwol bħal dak tas-Senat Amerikan li jagħrbel u japprova ħatriet ta’ importanza nazzjonali, anke jekk in-nomini jibqgħu jsiru mill-Gvern tal-ġurnata. Naħsbu li l-Gvern m’għandux jaħtar bħala membri tal-Bord tal-MEPA persuni li dwarhom, il-Kumitat Magħżul tal-Parlament dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ikollu diffikultà.
Id-diffikultà tista’ tkun kemm dwar kompetenza kif ukoll dwar sebgħa dritt.
Għandu jkun possibli li l-Parlament permezz tal-Kumitat Magħżul dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jgħarbel fil-pubbliku lil dawk li jkunu se jinħatru. Hekk pereżempju jintgħażlu l-Ambaxxaturi kollha li taħtar l-Istati Uniti tal-Amerika, jinnominahom kollha l-President u jikkonfermahom is-Senat permezz ta’ wieħed mill-Kumitati tiegħu. Fl-Istati Uniti dan isir għall-ambaxxaturi kollha, anke għall-membri tal-Kabinett u għal uħud mill-organizzazzjonijiet tal-Istat Federali.
Jekk għandna nikkopjaw għandna nibdew nikkopjaw sistemi li ġew imfasslin apposta biex l-eżerċizzju tal-poter tal-ħatriet ikun imrażżan. Jekk min jaħtar jagħraf li ħatra importanti trid qabel ma sseħħ tgħaddi mill-passatur tal-opinjoni pubblika, jaħsibha darbtejn dwar min iressaq ’il quddiem. B’hekk forsi jkollna nies fit-tmexxija li jkunu aċċettabbli għal firxa iktar wiesa’ mill-popolazzjoni.
Dan hu rwol importanti li fil-fehma tal-Alternattiva Demokratika għandu jkollu l-Parlament ta’ Malta. Hu aktar importanti milli jibqa’ jaħtar żewġ membri minn tiegħu (kif jagħmel sal-lum) bħala membri tal-Bord tal-MEPA.
Naħseb li l-Membru Parlamentari m’għandux jinvolvi ruħu f’deċiżjoni dwar liema permess għandu joħroġ u liema għandu jinżamm. Iktar importanti li l-Membru Parlamentari jara li dawk li jinħatru jkunu kapaċi jimxu sew. Sfortunatament dan s’issa la sar u lanqas m’hemm il-ħsieb li jsir.
Iżda jekk dan isir, ir-riforma tkun tista’ tagħti l-frott. Jekk le, naħseb li se nibqgħu fejn aħna.
Artiklu tajjeb hafna. Ghandek ragun. Din jien kont qajjimtha fil-laqgha pubblika re l-Impjant ta’ Sant’Antnin f’Dicembru, 2006. Il-Gvern ghandu 5 membri mill-Board rapprezentanti tieghu, jappuntahom hu stess. Jien nghid li meta jkun involut hu direttament jew xi agenzija tieghu, qatt ma jista jkun hemm gustizzja skond il-ligi u hija, ghalhekk illegali. Li kieku wiehed jikkontesta dan f’qorti, nghid li ghandu l-akbar cans li jirbahha.
L-istess jista jinghad ghar-rapprezentant tal-Partiti Politici. Ir-Rapp tal-Gvern bilfors jivvota favur il-progett ghaliex dik tkun il-policy tal-Partit tieghu.
Nisperaw li din din ir-riforma tal-MEPA tiehu sura li ma tibqax f’hafna kazi pjaga fuq hafna residenti li jsofru bi zvilupp kontestat ta Applikanti li jharsu biss l-interessi taghhom.
Nies bhalek ghandu bzonn il-pajjiz
Artiklu eccellenti. Ghandu jkun hemm kontroll shih fuq l-ghoti tal-permessi, u ma nibqghux b’sistema bazwija bazata fuq kemm l-applikant ghandu min jaqilghu. Hemm wisq kazijiet fejn inghataw permessi mhux misthoqqa u c-cittadin baqa bla vuci u bla rimedju. Hemm bzonn jigu appuntati fil-MEPA nies ta’ fibra li juzaw id-diskrezzjoni taghhom b’etika impekkabbli. Altrimenti Malta se takkwista it-titlu ta’ repubblika tal-banana.
Perit Carmel Cacopardo inti bhas-soltu esprimejt dak li l-maggoranza tal-Maltin qed ihossu u jahsbu.
Kemm huwa minnu li ghalxejn tipprova tirriforma l-MEPA jekk l-awtoritajiet sfortunatament ikomplu jpoggu persuni etikament dubbjuzi u f’dak li ghandu x-jaqsam mal-prattika incerti u inefficenti.
Jekk il-Prim Ministru u s-Segretarju Parlamentari responsabbli ghall-MEPA tassew jixtiequ jaraw almenu attaggament aktar serju fl-Awtorita ghandhom jahtru nies li fil-passat urew mhux biss il-kapacitajiet taghhom izda wkoll l-onesta.