Ir-Riforma tal-MEPA : Azzjoni Popolari

 

Il-liġi l-ġdida dwar il-MEPA li qed jipproponi l-Gvern fiha żewġ artikli (meħuda mill-Liġi l-qadima dwar il-Ħarsien tal-Ambjent) li jitkellmu dwar il-prinċipji ambjentali li fuqhom għandu jimxi l-pajjiż.

L-artiklu 3 jgħidilna li hu dmir ta’ kulħadd li jħares l-ambjent.

L-artiklu 4 min-naħa l-oħra jgħidilna li hu dmir tal-Gvern li jħares l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada. Imbagħad l-istess artiklu 4 jagħtina lista ta’ għaxar (10) miżuri li l-Gvern għandu l-obbligu illi jagħmel.

Imma sfortunatament dawn huma dikjarazzjonijiet biss. Għax l-artiklu 5 jgħidilna illi dawn huma biss prinċipji li iżda ma tistax tmur il-Qorti dwarhom. Qegħdin hemm biss biex jistabilixxu direzzjoni għall-Gvern.

Din kienet il-posizzjoni sal-lum. AD jidhrilha li m’għandhiex iżda tibqa’. L-artiklu 3 u 4 m’għandhomx jibqgħu biss dikjaratorji. Għandhom iservu ta’ bażi għal dritt ta’ azzjoni popolari biex jekk f’xi żmien il-Gvern jonqos mid-dmirijiet ambjentali tiegħu ċ-ċittadin ikun jista’ jmur quddiem il-Qrati f’Malta li għandhom ikollhom s-setgħa li jordnaw lill-Gvern li jaġixxi u jaqdi dmiru.

Sal-lum għandna r-rimedju li mmorru Brussels għand il-Kummissjoni Ewropea u dan għamilnieh diversi drabi. Imma naħseb li jkun għaqli li l-Parlament Malti jipprovdi rimedju f’Malta stess.