Il-vot fuq l-aħdar : 4. L-użu tal-Vot

 victor_galea

Il-vot għandu saħħa kbira. Iżda sfortunatament mhux kulħadd jaf jagħmel użu tajjeb minnu.

F’sistema bi-polari bħal tagħna l-partiti l-kbar draw iħeġġu lill-votanti jivvutaw fuq il-kulur tagħhom u jieqfu hemm. Jibżgħu jgħidu iktar.

Ir-realta anke jekk tagħti appoġġ lil xi partit (hu liema hu) tista’ wara li tkun ivvutajt lill-kandidati tal-partit li tappoġġa tivvota b’mod strateġiku lil dawk mill-kandidati l-oħra li “l-inqas idejquk”.

B’dan il-mod il-vot tiegħek jekk ma jkunx hemm użu iktar għalih għax il-kandidati kollha tal-partit tiegħek ikun ġew eletti jew eliminati inti tkun tista’ tagħżel bejn il-kandidati tal-partiti li jkunu għadhom fit-tiġrija.

Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew għall-2004 meta sfat eliminata Joanna Drake il-parti l-kbira tal-voti tagħha waqgħu fuq David Casa tal-PN ukoll. S’hemmhekk xejn speċjali.

Imma Casa bil-voti li wiret mingħand Drake qabeż il-kwota sew u allura kellu jittrasferixxi l-voti żejda skond ix-xewqa tal-votanti, fejn dawn esprimew xewqa. Dakinnhar il-votanti tal-PN kellhom il-possibilita li wara li vvutaw lill-kandidati kollha tal-PN jagħżlu bejn Arnold Cassola u Louis Grech. Il-parti l-kbira m’għażlu lil ħadd.  B’hekk il-votanti nazzjonalisti fl-2004 effettivament  ippreferew lil Louis Grech flok lil Arnold Cassola. Setgħu jagħżlu mod ieħor iżda dan ma għamluhx.

F’Ġunju 2009, fuq skala ferm iżgħar, fl-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Għarb il-votanti Laburisti ukoll setgħu għażlu  bejn Victor Galea ta’ Alternattiva Demokratika u Carmen Vella tal-Partit Nazzjonalista.

Meta ġie eliminat Kevin Cassar tal-Partit Laburista l-parti l-kbira tal-voti tiegħu intirtu minn Emanuel Muscat tal-PL ukoll. Bil-voti li wiret Emanuel Muscat (PL) li kien l–aħħar kandidat tal-PL huwa qabeż il-kwota. Il-voti żejda tiegħu li kienu jammontaw għal 26 setgħu jiddeċiedu min kellu jiġi elett bejn Victor Galea (AD) u Carmen Vella (PL). 7 voti marru fuq Victor Galea. 2 voti marru fuq Carmen Vella. 17-il vot ma għażlu lil ħadd. Il-konsegwenza li ġiet eletta Carmen Vella b’differenza ta’ 5 voti. Id-deċiżjoni ħaduha mhux dawk li ivvutaw, iżda dawk li ddeċidew li ma jagħżlu lil ħadd.

Żgur li ma nistax niddeskrivi l-voti li ġieb Victor Galea fl-Għarb bħala diżastru. Kważi wasal. Imma ma wasalx għal ftit. A miss is as good as a mile !

Mingħajr ma nnaqqas mill-merti tal-kandidata li ġiet eletta, li l-anqas biss naf min hi, ngħid li tilfu n-nies tal-Għarb għax tilfu s-servizz ta’ kunsillier eċċezzjonali.

(ikompli għada  5. Alternattiva hi meħtieġa)