Il-Vot fuq l-Aħdar : 3. Il-politika tas-supermarket

AC_YE_web

 

L-unika ħaġa li l-PN seta’ jgħid fil-pubbliku kien li Alternattiva ikkritikat ħafna lilu u ftit wisq lil Labour. Bħal dak li qallu li AD ser toqgħod bil-miżien tkejjel biex tara li l-kritika lill-PN u lill-PL hi ugwali!  Huwa naturali li l-PN fil-Gvern ikun iktar fil-mira tal-kritika ta’ AD għax huwa qiegħed fil-Gvern. Huwa l-PN li qiegħed jagħmel l-iżbalji fl-amministrazzjoni ta’ dan il-pajjiż.

Il-Partit Laburista matul il-parti l-kbira tas-sena li għaddiet kien fil-limbu sakemm ħatar Kap ġdid. Issa nistgħu nieħdu idea aħjar tad-direzzjoni li jrid imexxi fuqha lill-PL. Fuq xi affarijiet fl-AD naqblu miegħu kif fuq affarijiet oħra naqblu mal-PN fil-Gvern. Ftakru ftit fil-proposti dwar il-Kera u dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali biex insemmi żewġ eżempji biss li dwarhom AD iltaqgħet ma membri tal-Kabinett biex twassal il-proposti tagħha li setgħu jtejbu l-proposti tal-Gvern tal-lum.

Il-Partit Laburista ovvjament bħala partit kbir ibati minn marda simili għal dik li jbati minnha l-PN : dik li jrid illi jipprova jingħoġob ma kulħadd, akkosta tal-kontradizzjonijiet.

Per ezempju : il-PN irid jogħġob kemm lill-kaċċaturi kif ukoll lil dawk kontra l-kaċċa : kif fissru tajjeb Alex Perici Calascione u Edward Demicoli. Tal-ewwel favur u tat-tieni kontra. Il-Partit Laburista min-naħa l-oħra jrid jogħġob kemm lil dawk li huma favur id-divorzju kif ukoll lil dawk li huma kontrieh. Min-naħa waħda l–Leader Joseph Muscat jiddikjara li huwa favur dan id-dritt ċivili, imma min-naħa l-oħra lest li jagħti vot liberu fil-Parlament lill-Grupp Parlamentari tiegħu.  Jekk hu dritt ċivili m’hemmx lok għal vot liberu : huwa punt ta’ prinċipju. Imma Muscat għandu problema li fil-“partit progressiv” tiegħu għandu numru ta’ konservattivi li jikkompetu għall-għanqbut ma uħud fil-Partit Nazzjonalista ! Allura huwa ukoll irid isib il-mod kif  jikkuntenta lil kulħadd. Veru kaz ta’ politika tas-supermarket ! Jekk favur issib u jekk kontra ukoll : fuq l-istess xkaffa. Fl-istess partit !

Nemmen li iktar mal-votant jifhem dawn il-kontradizzjonijiet u oħrajn iktar jiftah għajnejħ dwar il-ħtieġa ta’ Alternattiva Demokratika li fiha ma jeżistux dawn il-kontradizzjonijiet. Il-PN u l-PL qed jippruvaw kontinwament jagħtu x’jifhem li qed jaddottaw politika ġdida li sal-lum kienet imħaddna biss minn AD f’Malta. Pero’ bejn dak li jgħidu, dak li fil-fatt jemmnu u dak li għandhom il-volonta’ li jwettqu hemm baħar jaqsam.

Vot għal Alternattiva Demokratika, fuq l-Aħdar huwa vot favur il-prinċipji li temmen fihom AD.  Is-7514  vot li akkumula Arnold Cassola sat-22 għadd juru li hawn min dan jifhmu. AD għandha obbligu kbir li tirrappreżenta lil dawn in-nies. Dawn u oħrajn li għad jiftħu għajnejhom ħadd ma jista’ jirrappreżenthom ħlief Alternattiva Demokratika.

(ikompli : għada : 4. L-użu tal-Vot)