Il-vot fuq l-aħdar : 1. X’diżastru ?

CassolaEbejer

Għalkemm m’hux kuntent bir-riżultat li Alternattiva kisbet fl-elezzjonijiet tas-6 ta’ Ġunju 2009 jiena xejn ma naqbel ma min qed jgħid li dan ir-riżultat hu diżastru.

M’huwiex.

F’Ġunju 2004 AD permezz ta’ Arnold Cassola fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew kisbet 22938 vot fl-ewwel għadd li żdiedu sa 29013 fl-aħħar għadd. Dawn il-voti kienu jikkonsistu f’madwar 4000 vot ta’ persuni li dejjem ħarsu b’mod pożittiv lejn AD – votanti li huma konvinti mill-viżjoni AD, il-core vote,  u 25,000 votant ieħor li sabu refuġju f’AD minħabba l-posizzjoni kemm tal-PN kif ukoll tal-PL dakinnhar.

Dawn affarijiet li wara ħames snin hemm min jittanta jinsa’ imma tajjeb li niftakruhom u nfakkruhom.

Dawk il-25,000 votant ivvutaw lill-AD għax ħassew li fiċ-ċirkustanzi politiċi ta’ dakinnhar ma setgħux jivvutaw lill-Partit ewroxettiku, kif kien il-Partit Laburista. L-anqas ma setgħu jivvutaw lill-PN li kien fil-Gvern għal raġuni waħda – għax il-Partit Nazzjonalista riedu jipprotestaw kontrieh dwar il-mod kif kien qiegħed imexxi.  Alternattiva f’dawk iċ-ċirkustanzi kienet l-uniku post sigur għall-vot ta’ min ried jipprotesta kontra l-Gvern.

L-iżball ta’ AD kien illi qatt ma qamet mill-ħażda tad-29,000 vot tal-2004. Dawn il-voti ġew waħedhom u telqu waħedhom. AD ftit għamlet biex tiġbed lejha b’mod permanenti numru minn dawn il-votanti.

Minn hawn l-ewwel konklużjoni għal AD : hu meħtieġ li nifhmu li fil-politika m’hemmx lok għad-dilettantiżmu. Jew naħdmu b‘viżjoni fit-tul li tfittex li tiġbed l-ikbar numru possibli ta’ votanti lejn AD b’mod permanenti bl-iskop li tkun f’posizzjoni li twettaq dak li temmen fih. Inkella AD tista’ tikkonsidra li terġa’ lura għal minn fejn oriġinaw uħud mill-fundaturi tagħha. Jiġifieri Tan-Numri jew iż-Żgħażagħ għall-Ambjent.    

Dan ifisser taqliba mill-qiegħ fl-organizzazzjoni ta’ AD kif ukoll tqegħid ta’ sisien finanzjarji sodi. L-organizzazzjoni tirrkjedi l-fondi u AD dejjem kienet nieqsa minnhom. Id-donazzjonijiet li irċeviet AD, ftit fin-numru, ġew mingħand min emmen f’dak li AD għamlet fil-passat u li qed tagħmel fil-preżent.

It-tieni konklużjoni : jekk is-soċjeta’ Maltija trid lill-AD tkompli trid iddaħħal idejha fil-but.  

(ikompli : għada : 2. Il-PN u l-PL)