Żjara minn AD fl-inċineratur tal-Marsa

 marsa-incinerator

 

Dal-għodu delegazzjoni ta’ AD għamlet żjara fl-inċineratur tal-Marsa. L-istedina kienet saret mill-Ministru Pullicino waqt Bondi+ ta’ ħmistax ilu, nhar it-23 ta’ Frar 2009. L-istedina kont ilqajtha mill-ewwel.

 

Uffiċjali tal-Wastserv flimkien mat-tekniċi inkarigati ill-inċineratur tal-Marsa dawruna mal-faċilita u fissrulna l-mod kif dan jaħdem kif ukoll l-aġġustamenti li saru u li għad qed isiru fl-impjant.

 

L-inċineratur kien ippjanat biex jieħu skart iġġenerat mill-biċċerija. Imma iżjed tard l-idea ibidlet biex żdied ukoll skart kliniku kif ukoll skart industrijali.

 

L-ewwel mistoqsija : l-iskart kliniku jinkludi skart radjuattiv. It-tweġiba hi le. Imma fl-impjant hemm strumenti li bihom jista’ jiġi vverifikat jekk l-iskart kliniku jkunx jinkludi skart radjuattiv. Tweġiba : le. Imma huwa ppjanat li iktar tard ikun possibli li jsiru dawn il-verifiki qabel ma jiġi aċċettat l-iskart kliniku.

 

 

 

Qabel iż-żjara min-naħa ta’ AD għamilna l-verifiki neċessarji u rriżulta li lejn tmiem il-ġimgħa fuq is-sit elettroniku tal-Wasteserv kienu ippubblikati r-riżultati tal-emissjonijiet sa Jannar 2009. Il-mistoqsija tiġi waħedha : skond il-permess hemm l-obbligu ta’ pubblikazzjoni tal-emissjonijiet fi zmien tletin minuta. It-tweġiba : imma l-impjant għadu m’huwiex ikkummissjonat u allura l-obbligu ta’ pubblikazzjoni immedjata għad ma daħalx fis-seħħ. L-uffiċjali tal-Wasteserv ikomplu jispjegaw li r-riżultati jdumu ma jkunu ppubblikati minħabba li jkunu għand il-konsulenti Taljani għall-verifika u għand it-Taljani jdumu.

 

Min-naħa ta’ AD ma naqblux : il-permess ma jiddistingwix bejn jekk l-impjant huwiex ikkummissjonat jew le. Jirregola l-operat tiegħu il-ħin kollu.

 

F’isem AD hawnhekk għamilt suggeriment : li Wasteserve timpenja ruħha li tibda tnaqqas iż-żmien bejn meta jitkejjlu l-emissjonijiet u meta jkunu ppubblikati. Bħalissa dan iż-żmien hu twil (madwar 4 xhur) u jista’ jitnaqqas faċilment għal mhux iktar minn xahar. Wara kollox sa l-aħħar tas-sena, meta huwa ippjanat li jkun ikkummissjonat l-impjant ir-riżultati jridu jkunu ppubblikat mill-ewwel.

 

Tal-Wasteserv ma kienux konvinti li dan hu possibli u jsemmu elf raġuni : fuq quddiem nett it-Taljani li jdumu.

 

Imma dan jista’ jsir. Hu fl-interess ta’ kulħadd li jsir, l-ewwel u qabel kollox fl-interess tal-komunita. Il-konsulent tal-Wasteserv joħroġ ftit għonqu ukoll : jgħid li dak li qed titlob Alternattiva huwa possibli li jsir mingħajr wisq diffikulta.

  

 

Wara ż-żjara kellimna lill-istampa.