San Ġwann

 

 100_0594

It-tagħlima dwar il-każ San Ġwann hi waħda ta’ natura fondamentali : li l-opinjoni pubblika għandna nagħtu każ tagħha dejjem.

 

L-opinjoni pubblika tifforma fuq dak li tisma’, taqra u tgħarbel. Inkluż fuq dak li tifhem li qed jinħeba lilha. L-esperti ukoll għandhom rwol fil-formazzjoni tal-opinjoni pubblika. Imma dak li jgħidu l-esperti għandu jkun magħruf dejjem u mhux meta jaqbel biss.

 

Fil-każ San Ġwann il-Gvern ta’ Gonzi naqas prinċipalment għax kien inkonsistenti. Jekk vera emmen illi kienu meħtieġa iktar studji u opinjonijiet qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-proġett mill-MEPA, għaliex il-Gvern ta’ l-go-ahead biex jiġu allokati l-fondi tal-EU għall-proġett? Il-messaġġ li ngħata b’dik id-deċiżjoni dwar il-fondi kien illi l-proċeduri jew kienu finta inkella li ma kien hemm l-ebda dubju dwar kif dawn ser ikunu konklużi. Min iddikjara li l-opinjonijiet kollha għandhom jinstemgħu (inkluż li jsiru l-istudji) qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet messu hu stess ma ħax id-deċiżjoni dwar il-fondi qabel ma saru l-istudji.

 

Ovvjament jista’ jkun li l-moħħ wara din l-idea kien dak li jispeċjalizza fil-ħidma bil-moħbi, bil-kwiet, wara l-bibien magħluqin. Dak li imdorri jiddetta u jmexxi mingħajr ma qatt issottometta ruħu għal elezzjoni. Din hi l-filosofija li teħtieġ tingħata l-ġemb : it-tmexxija bil-ħabi, minn wara l-kwinti.

 

Il-lezzjoni hi waħda kbira : in-nies jidhrilha li m’għandhiex tintalab l-opinjoni tagħħa f’elezzjoni ġenerali biss. Il-fehma tan-nies hi relevanti dejjem.